Balzan għelbu lil Hibernians bl-iskor ta’ 2-0, biż-żewġ goals għalihom jaslu fit-tieni taqsima. Ta’ min wieħed jirrimarka li providenzjali għal Balzan kien il-goalkeeper Danilo Golovic li ċaħħad lill-Pawlisti għal diversi drabi milli jsibu x-xibka, u fil-fatt ġie vvutat mill-ġurnalisti preżenti bħala l-BOV Player tal-Logħba.
Kienu Hibernians li ħolqu l-ewwel periklu fis-seba’ minuta meta wara li rċieva minn cross ta’ Alex da Silva Souza, Zachary Grech, minn pożizzjoni ferm ideali tefa’ għoli.
Huma komplew fuq l-offensiva u fil-21 minuta freekick mill-isbaħ ta’ Giannis Bastianos ġie mdawwar f’corner bi bravura mill-goalkeeper ta’ Balzan, Danilo Golovic.
Kulma jmur kompla d-dominju assolut tal-Pawlisti u żewġ minuti biss wara, Jurgen Degabikele kellu x-xutt mhux daqshhekk b’saħħtu tiegħu jiġi newtralizzat mingħajr wisq diffikultá minn Golovic.
Iktar ma beda jgħaddi l-ħin iktar beda jirriżulta team wieħed fil-ground, u fit-28 minuta Rodney Antwi kellu x-xutt b’saħħtu tiegħu minn ġol-kaxxa salvat mis-solitu Golovic, li beda jirriżulta bħala l-eroj assolut fost sħabu.
U proprju fl-ewwel azzjoni li ħolqu Balzan minuta biss wara huma kellhom ferħa bla temma meta Leonardo da Silva Souza mill-viċin tefa’ l-ballun fis-saqaf tax-xibka, iżda r-referee Andrea Sciriha kien saffar foul fl-attakk, li kawża tiegħu ġie ammonit il-player Nikola Braunovic.
Hibernians wieġbu fit-38 minuta meta Ferdinando Apap bir-ras għadda tajjeb lejn Kurt Shaw li iżda kellu x-xutt mill-ewwel tiegħu jgħaddi ftit għoli.
Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, Balzan ħargu ferm aggressivi u fit-53 minuta, cross-shot fil-baxx tal-ex tal-partita Jake Grech, wara li rċieva mingħand Ivan Bozovic ġie interċettat mill-goalkeeper tal-Pawlisti, Ibrahim Kone.
Il-Pawlisti wieġbu żewg minuti wara meta Jurgen Degabriele minn qagħda ideali ra lil Golovic isalva tajjeb.
Iżda fuq in-naħa l-oħra tal-pitch, kienu Balzan li fetħu l-iskor fis-60 minuta permezz ta’ xutt mill-viċin tal-Ġappuniż, Ryohei Michibuchi, li ma ta l-ebda cans lil Kone.
Hibernians tefgħu kollox fuq l-attakk fit-tentattiv ovvju li jġibu l-iskor indaqs u fl-74 minuta, is-sostitut Samuel Okoh ittanta xortih permezz ta’ xutt mill-ewwel minn tarf il-kaxxa li għadda ftit għoli.
Madankollu, kienu Balzan li għoddhom irduppjaw l-iskor fil-81 minuta meta Aleksandar Katanic avvanza tajjeb iżda Kone kien providenzjali meta ħareġ barra minn postu u biegħed kull periklu għat-team tiegħu.
Huma ma kellhomx jiġu mċaħħda fid-89 minuta meta Dimei Awisanje avvanza tajjeb, dar mal-goalkeeper Kone, qabel tefa’ l-ballun f’lasta vojta biex issiġilla r-rebħa Balzanija.
Referee: Andrea Schriha
BOV Plejer tal-Logħba: Danilo Golovic (Balzan)