Balzan għelbu lil Birkirkara bl-iskor ta’ 2-1 biex komplew iżommu t-tamiet tagħhom li jiksbu post fl-Ewropa ħajjin hekk kif temmew fir-raba post, b’punti ndaqs daqs Hibernians u Mosta jiġifieri 46 punt.
Huma jkunu qed jittamaw li Mosta ma jirbħux l-IZIBET FA Trophy, biex imbagħad jilagħbu decider kontra Hibernians għal min jikseb post fl-Ewropa.
Kienu Birkirkara li ħarġu fuq l-offensiva u wara biss ħames minuti, Enzo Daniel Cabrera, minn taħt il-lasta tefa’ għoli.
Balzan wieġbu żewġ minuti biss wara meta Matheus De Sousa kellu x-xutt tieghu jgħaddi ftit għoli.
Huma komplew fuq l-offensiva u fil-11-il minuta rebħu penalty meta l-goalkeeper Taljan tal-Istripes, Giacomo Nava, waqqa’ lill-istess Matheus de Sousa fil-kaxxa. Mill-11-il metru nkariga ruħu ALEKSA ANDREJIC li ma żbaljax.
Kulma jmur kompla d-dominju ta’ Balzan u man-nofsiegħa logħob kienu sfortunati meta cross-shot ta’ Alex Satariano stampa mal-wieqfa.
Madankollu, kontra x-xejra tal-logħob, fl-34 minuta, Birkirkara ġabu l-iskor indaqs meta wara li rċieva minn azzjoni ta’ corner mogħti minn Matteo Fedele, ENZO DANIEL CABRERA għola tajjeb u permezz ta’ daqqa ta’ ras mill-viċin tefa’ ġewwa.
Sitt minuti wara, Alex Satariano ittanta xortih permezz ta’ xutt minn barra l-kaxxa li iżda ntemm barra.
Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, Balzan ħarġu ferm aggressivi u ta’ dan ġew ippremjati meta fis-47 minuta skorjaw il-goal tar-rebħa meta MATHEUS DE SOUSA wiċċ imb’wiċċ ma’ Nava tefa’ ġewwa.
Fis-70 minuta, Cabrera għal Birkirkara kellu d-daqqa ta’ ras mill-viċin salvata minn Rudy Briffa.
Balzan komplew jamministraw il-vantaġġ minimu li kellhom sa tmiem il-partita.
Referee: Glen Tonna
Player tal-Logħba: Enzo Daniel Cabrera (Birkirkara)