Naxxar Lions irnexxielhom jiksbu l-punt li kienu jinħtieġu biex jibqgħu jittamaw li jsalvaw posthom fl-ogħla diviżjoni tal-football Malti, mentri Balzan huma l-ewwel team li tilfu posthom f’logħba ferm missielta li baqgħet inċerta sa l-aħħar suffara tar-referee Trustin Farrugia Cann.
Balzan kellhom l-aktar mil-logħob matul l-ewwel taqsima fejn ħolqu l-ewwel periklu fis-6 minuta meta Alexander Akpan qabad lid-difiża żbilanċjata u avvanza waħdu imma fit-tentattiv li jiskorja, il-lob tiegħu ġie mdawwar f’corner mill-goalkeeper Matthias Debono Tliet minuti wara corner insidjuż ta’ Jan Busuttil ġiegħel lil Debono jippanċja biex jikklerja l-periklu.
Fit-22 minuta Balzan reġgħu resqu qrib b’azzjoni fuq ix-xellug ta’ Benjamin Hili imma Dimeji Awosanja minn qagħda tajba spara għoli.
Naxxar heddew għall-ewwel darba fid-39 minuta permezz ta’ konklużjoni ta’ Hugo Dos Santos li għaddiet ftit barra.
Fit-43 minuta kien Marcus Grima għal Balzan li xxuttja ftit barra, waqt li fil-45 minuta Edward Bolanos Qassam lil Edson Cerqueira li x-xutt tiegħu ġie salvat mill-goalkeeper ta’ Balzan Danilo Golovic.
Fit-tieni taqsima reġgħu kienu Balzan li fetħu fuq l-attakk u fil-50 minuta rebħu penalty meta d-difensur Naxxari Nikolai Micallef iffawlja lil Alexander Akpan fil-kaxxa. Inkariga ruhu mill-penalty Jan Busuttil imma l-goalkeeper Matthias Debono ntefa’ tajjeb fuq il-lemin biex salva l-penalty u ċahhad lil Busuttil milli jpoġġi lil Balzan fil-vantaġġ.
Ta’ dan Balzan pattew qares għaliex ftit wara, eżattament fis-57 minuta, kienu Naxxar li marru fil-vantaġġ permezz ta’ Bacary Sane li tefa’ l-ballun fix-xibka minn azzjoni mibdija minn Edson Cerqueira.
Balzan għafsu ħafna biex isalvaw ir-riżultat u rnexxielhom jiskurjaw il-goal tad-draw fil-85 minuta permezz ta’ Dimeji Awosanya. Iżda minkejja li kien baqa’ ħames minuti u ngħataw ħames minuti oħra ta’ ħin miżjud, huma ma rnexxielhomx jerġgħu jiskurjaw biex l-iskor baqa’ 1-1 sat-tmiem.
Referee: Trustin Farrugia Cann
Player tal-Loghba: Matthias Debono (Naxxar Lions)