Balzan FC ħallew pajjizna dalgħodu bid-destinazzjoni tkun l-Azerbaijan sabiex nhar il-Ħamis fil-19.00 f’Dalga Arena f’Baku jilgħabu t-tieni leg tal-ewwel rawnd ta’ kwalfikazzjoni tal-UEFA Ewropa League. Balzan FC rebħu l-ewwel logħba li ntlagħbet f’pajjiżna l-ġimgħa li għaddiet 4 – 1, b’goals minn Alfred Effiong, Lecao, Bojan Kaljevic u Cadu.
Waqt il-programm “L-Argument Ikompli” tal-bieraħ il-president ta’ Balzan FC Anton Tagliaferro sostna li minkejja din ir-rebħa komda t-tim ta’ Balzan FC iridu joqgħodu attenti ħafna mill-avversarji għaliex il-logħba tal-Ħamis tista’ tkun diffiċli jekk it-tim tiegħu ma jarfux jikkontrollaw lill-avversarji. Tagliaferro saħaq dwar l-importanza li t-tim tiegħu javvanza għar-rawnd li jmiss mhux biss minħabba d-dħul finanzjarju iżda anke għall-istorja tal-klabb.