Il-bajjiet ta Marsalforn u Ħondoq ir-Rummien ingħataw l-unru tal-bnadar ta’ kwalità. Dan fil-preżenza tal-Ministri Għal Għawdex u tat-Turiżmu li ħabbru ftehim finanzjarju bejn l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu u l-Ministeru għall-Għawdex biex inkomplu jitjieb l-immanniġġjar tal-bajjiet fil-kuntest li nkomplu ntejbu wkoll il-prodott kostali tal-gzejjer tagħna.
L-Awtorita Maltija għat-Turiżmu ilha numru ta’ snin tgħin lil GAIA Foundation biex tipprovdi l-fondi neċċessarji għal immanniggjar tar-Ramla l-Ħamra u anke għal life guards ġewwa Kemmuna. L-Awtorita’ ser tkompli żżied l-impenn tagħha lejn Għawdex biex mhux biss tkopri l ispejjeż tal-immanniġġjar ta’ Marsalforn u Ħondoq ir-Rummien, izda għal ewwel darba, ser tkun qed tkopri wkoll l-immanniggjar fil-bajja tax-Xlendi.
Il-Ministru Edward Zammit Lewis wera s-sodisfazzjon tiegħu li l-Ministeru għall-Għawdex rnexxielu jikseb żewġ Bnadar ta’ Kwalita’, għal Ħondoq ir-Rummien u għal Marsalforn li huma l-ewwel pass lejn il-Blue Flag.
Il-Ministru Anton Refalo qal li jemmen li l-bajjiet ta’ pajjiżna għandhom rwol importanti ferm fis-settur turistiku Għawdxi. “Kull riżultat pożittiv miksub fis-settur tat-turiżmu jagħti spinta lill-ekonomija ta’ pajjiżna. B’dan il-għan, il-Ministeru għal Għawdex qed jaħdem bi sħiħ biex dejjem ittejjeb il-prodott turistiku,” qal il-Ministru Refalo.