Il-Karozza Porsche li kien qed isuq Paul Bailey f’Paqpaqli għall-Istrina tas-sena 2015 jidher li tilfet il-kontroll qabel ma misset il-ħaxix.
Dan intqal minn espert tal-Qorti meta l-Ġimgħa kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront tal-erbatax-il persuna li qed jiġu akkużati b’dan l-inċident. Bailey flimkien ma’ tlettax-il persuna oħra fil-kumitat organizzativ qed jiġu akkużati li wettqu ġrieħi gravi b’mod involontarju fuq għadd ta’ persuni, u kif ukoll b’diversi ħsarat fuq diversi vetturi kawża ta’ imprudenza, traskuraġni u nuqqas ta’ osservazzjoni tal-liġi.
Fil-Qorti ntqal li hekk kif Bailey ħareġ mill-karozza huwa kien ddispjaċut għax-xena diżastruza li ra quddiemu.
Il-kumpilazzjoni tax-xhieda se tkompli f’Ottubru u l-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Joseric Mifsud, Silvio Magro u Hubert Cini.