Sitt baħħara tan-Navy Olandiża li l-età tagħhom tvarja minn 20 sa 52 sena ġew immultati €400 kull wieħed filwaqt li huma pprojbiti milli jidħlu ġo stadium sportiv għal sena.
Is-sitt irġiel ġew arrestati lbieraħ waqt li kienu qed isegwu l-logħba fil-grawnd nazzjonali Ta’ Qali bejn it-tim nazzjonali tan-nisa Awstrijak u dak Olandiż, fejn tal-aħħar rebħu bl-iskor ta’ 4-0.
Biex jiċċelebraw din ir-rebħa huma xelgħu flares tal-kulur, prattika llegali f’pajjiżna.
Il-baħħara wieġbu ħatja għal din l-akkuża.
Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, iddeċidiet li din l-akkuża mhix waħda malizzjuża u nnotat ukoll li din il-prattika hija permessa li ssir fl-Olanda.