Dr Jason Azzopardi fl-elezzjoni kien qalibha lil Dr Joseph Cassar. U lil Dr Joseph Cassar, raġel fuq l-irġiel, ħatruh maġistrat, għax persważ li kien jispiċċa fixxa, minkejja li kellu pożizzjonijiet ministerjali. M’għamilx flus mill-poter. Kien bniedem nadif.
Ma’ kull min titkellem kulħadd jgħidlek l-istess kelma, ħabib tiegħu jew avversarju.
Imma hekk hija l-politika. Mhux neċessarjament in-nies tagħżel l-aħjar biex jitkellmu għaliha fil-Parlament Imma dik hi, jgħidu, d-demokrazija.
Imma ħaġa tal-għaġeb li dak li ma kienux jgħidu fuq Peppino Cassar ma jieqfux jgħiduh fuq Jason Azzopardi. U jidher li aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar joħorġu stejjer, li tal-inqas joħolqu mistoqsijiet, li wieħed jistenna tweġiba għalihom.
Għax tista’ tkun ċuċ kemm tkun ċuċ, imma taf li l-artijiet ma jinbigħux biċ-ċiċri. Imbagħad jekk tkun avukat, fl-università titgħallem fuq il-bejgħ u l-prezz. Biżżejjed li tagħti daqqa t’għajn lejn gazzetta li tinduna prezz hux tajjeb jew le, hux baxx, hux ċajta li taħseb li jkun hawn min jiblagħha. Mhux qed ngħid jindunaw il-gwappi li jinnegozjaw fil-bini, imma mqar tfittex tnejn qed iħejju biex jiżżewġu biex jgħidulek.
U kien hemm stejjer mingħand dawn dwar Jason Azzopardi.
Peppinu Cassar kien bil-maqlub. Għax barra li kien nadif kien ukoll xorti ħażina. Kif kienet il-Kostituzzjoni dak iż-żmien¸ Maġistrat kellu jirtira hekk kif jagħlaq 60 sena. Pensjoni ma kienx jieħu. Il-pensjoni tiegħu kienet ġejja mis-snin li għamel fil-parlament, imma dik tibda meta deputat ikollu 61 sena. U għamel sena bl-għajnuna soċjali. Ngħidha għax unur għalih u prova ta’ kemm kien nadif.
Peppinu Cassar ma kienx jagħmel wiċċ u jagħti ħarsa qisu San Alwiġi! Kif tarah pinġih.
Imma mbagħad li jkun hemm min jagħmel ħarsa tal-fidil, jikser il-vuċi qisu qed jikkonvinċi li mhux qaddis minn issa għax irid jibqa’ jgħix u jgawdi l-ħajja, in-nies fil-bidu temmnu, imma kif jibda jgħaddi ż-żmien taqra l-karattru tiegħu minn fuq s’isfel.
Nemmen li l-Awtorità tal-Artijiet għandha tinvestiga u tara x’għadda, u anke min kien reponsabbli. U tieħu l-passi meħtieġa, għax din dwar proprjetà tagħna lkoll.
Meta smajt bil-prezzijiet li bihom ingħatat art tal-gvern, l-anqas biżżejjed biex tifdi żewġ ewro ċens perpetwu!
Imma hawn min hu tant hu twajjeb u ħarstu tikkonvinċik, li bil-fors żball ġenwin!
Jien ma nemminx kollox u m’inix fidil.