Filmati ta’ dak li ġara fil-Faroe Islands ħoloq kontroversja ikbar mis-soltu, hekk kif aktar minn 1,400 denfil nqatlu wara li dgħajjes tas-sajd dawruhom u ġiegħluhom jidħlu fil-bajja ta’ Skalabotnur f’Eysturoy.
Meta kienu f’livell baxx, is-sajjieda bdew jagħtuhom bi skieken sakemm qatluhom , u wara d-dniefel ittellgħu l-art biex ikunu mqattgħin ħalli jinbiegħu għall-konsum lokali.
Filmati juru mijiet ta’ nies isegwu minn fuq il-bajja u l-ilma jinbidel aħmar bid-demm tad-dniefel.
Din it-tip ta’ kaċċa hija tradizzjoni fil-Faroe Island u hija xi ħaġa li ilha ssir għal mijiet ta’ snin.
Dawk li jappoġġjaw din it-tradizzjoni saħqu li din hija parti mill-identità kulturali tagħhom, filwaqt li gruppi u attivisti favur l-annimali qalu li dan il-massakru huwa krudili.