Il-baġit għas-sena d-dieħla fis-settur tas-saħħa huwa wieħed rekord.
Dwar dan tkellem id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne fil-Parlament, waqt l-estimi finanzjarji tal-Ministeru tas-Saħħa.
Qal, “Is-sena l-oħra, rikkorrenti kellna €930 miljun, għas-sena li ġejja, dan il-baġit, fir-rikkorenti għandna spiża ta’ aktar minn biljun ewro. Żieda sostanzjali fuq is-sena l-oħra.”
Id-Deputat Ray Abela, innota żieda qawwija fil-baġit għas-settur tas-saħħa, minn żmien Gvern Nazzjonalista.
Qal, “Fuq f’għaxar snin, Gvern Laburista alloka tliet darbiet dak li għamlet amministrazzjoni Nazzjonalista fl-2013.”
Id-Deputat Deo Debattista rrimarka kif fiż-żmien li ġej, se jkomplu jorħsu aktar mediċini.
Qal, “Ħadt gost f’dan il-baġit li żdiedu wkoll il-mediċini, ilbieraħ il-Prim Ministru ħabbar li reġa’ kien hemm roħs f’xi mediċini, li hija trend ta’ din l-amministrazzjoni.”
Id-Deputata Romilda Zarb semmiet il-problema tal-out of stock fi żmien Gvern Nazzjonalista.
Qalet, “Għaldaqstant nistaqsi jien, fejn kienet qalbhom meta min-naħa li kienu huma fil-Gvern imexxu lil pajjiż kienu jindirizzaw il-problema ta’ mediċini out of stock propju ma’ landa tal-pizelli?”
Dwar il-viżjoni li kellu għas-settur tas-saħħa Gvern Nazzjonalista, fil-bini tal-isptar Mater Dei, tkellem id-deputat Michael Farrugia.
Qal, “Imma Gvern Nazzjonalista għoġbu jħallas flus iktar, iħallas flus li fl-aħħar mill-aħħar, sibna li kien hemm konkos ħażin u meta ppruvajna li naraw x’inhu dovut lill-Gvern Malti, sibna firma mill-Prim Ministru Lawrence Gonzi dakinhar, li ddeċieda li jinsa kull problema li kien hemm.”
Id-Deputata Katya De Giovanni tkellmet dwar is-saħħa mentali, fi sfond tal-helpline 1579 li nieda l-Gvern li jopera fuq bażi ta’ erbgħa u għoxrin siegħa kuljum.
Qalet, “Kulħadd jista’ jċempel lill-helpline b’mod anonimu. Inħeġġeġ minn hawnhekk li min għaddej minn xi diffikulta ta’ saħħa mentali jċempel lill-helpline.”