L-għada tal-budget, fil-ġurnali lokali spikka r-rikonoxximent tas-suċċess ekonomiku li qed jagħmel pajjiżna u li minn dan il-ġid ser ikun qiegħed igawdi kulħadd.
Il-faċċata tal-gazzetta MaltaToday isemmi kif għal darb’oħra, Gvern Laburista ippreżenta baġit bla taxxi, mingħajr żieda fil-miżati waqt li se jagħti nifs ġdid lis-settur tal-akkomodazzjoni soċjali kif ukoll żieda fil-pensjonijiet u fl-benefiċċji tat-tfal. Din tal-aħħar qed tixhed l-impenn li għandu dan il-Gvern li ebda tifel jew tifla ma jgħixu fil-faqar.
Il-faċċata ta’ The Malta Independent tirrikonoxxi li b’dan il-baġit, il-Gvern ser jibni fuq is-suċċess li diġà nkiseb.
Il-gazzetta telenka wkoll l-aktar miżuri li ser jolqtu lill-familji: aktar tnaqqis fit-taxxi tad-dħul, żieda ta’ €4.50 fil ġimgħa fil-pensjonijiet, l-aħħar stadju finali tar-rifużjoni tal- VAT fuq it-taxxa tar-reġistrazzjoni tal-karozzi kif ukoll li l-eżamijiet tal-MATSEC ser jibdew isiru mingħajr ħlas.
Mill-gazzetti kollha, In-Nazzjon kien l-uniku wieħed b’kummenti negattivi b’rabta mal-miżuri li ser jdaħħal il-Gvern matul is-sena d-dieħla. Bil-faċċata tal-gazzetta tikkontradixxi l-kumplament tal-ġurnali l-oħra, li wkoll irrikonoxxew il-benefiċċji li minnhom ser ikunu qegħdin igawdu l-familji.
L-editorjal tat-Times of Malta isemmi kif bis-suċċess ekonomiku li qiegħed jikseb pajjiżna, l-Gvern irid jassigura li l-flus imorru fil-bwiet tan-nies kif ukoll li t-tqassim tal-ġid ikun xieraq.
Il-ġurnal jirrikonoxxi l-fatt li l-ekonomija Maltija hija waħda b’saħħitha- b’tkabbir li qed isir grazzi għall-espansjoni tas-setturi tal-gaming, tas-servizzi finanzjarji kif ukoll fil-qasam tal-kostruzzjoni.
Il-faċċata tal-istess ġurnal telenka li f’dan il-baġit la ddaħħlu u wisq anqas ma kien hemm żieda fit-taxxi.
Dan l-elenku jindika wkoll li għall-ewwel darba wara ħdax-il sena, il-familji ser jibbenefikaw minn żieda fiċ-childrens’ allowance waqt li jiddaħħal sussidji għola għall-kera.
Fis-suppliment speċjali, it-Times of Malta semma kif il-Gvern ser jinvesti €100 miljun fl-infratruttura li jfisser erba’ darbiet aktar minn dak li kien jiġi vvotat għalih qabel.
Fl-istess paġna, isemmi kif madwar 100,000 Għawdxi li jaħdmu mal-Gvern u li ta’ kuljum jaqsmu l-fliegu biex jaħdmu f’Malta ser igawdu minn miżuri ġodda fosthom għotja ta’ €1.50 għal kull ġurnata.
Barra minhekk, il-Gvern se jħallas il-biljett tal-Għawdxin li jaħdmu f’Malta.
Dawn il-miżuri kollha ser ikunu qegħdin isaħħu s-suċċess. Hekk ingħad fl-editorjal tal-ġurnal L-Orizzont fejn ingħad li l-bil-baġit 2019, il-poplu ser jgħix dan is-suċċess miksub minn Gvern Laburista pro-attiv. L-istess editorjal isemmi kif dan il-baġit li huma mfassal fuq miżuri progressivi indirizza diversi oqsma soċjali u li minnu ser ikunu ndirizzati l-ħtiġijiet tal-preżent u jibnu l-pedamenti tal-futur.