“Dan il-baġit huwa parti minn pjan ċar u strateġija komprensiva tal-Gvern. Dak il-pjan huwa l-manifest elettorali tagħna, u l-baġit ta’ kull sena huwa l-pjan ta’ twettiq ta’ dak il-manifest elettorali.”Kien b’dan il-mod li l-Prim Ministru Joseph Muscat beda d-diskors tiegħu f’Kastilja mumenti wara li fil-Parlament inqara l-baġit għall-2020.
Bid-Deputat Prim Ministru u l-Ministru tal-Finanzi fuq ix-xellug u l-lemin tiegħu, il-Prim Ministru Joseph Muscat innota li l-pjan ta’ twettiq huwa mibni fuq tliet pilastri ewlenin.
Spjega kif il-170 miżura tal-baġit huma mmirata biex jippremjaw il-bżulija tal-familji, biex jiġu mgħejjuna dawk l-aktar fil-bżonn, u biex jixpruna s-sostenibbiltà. Miżuri li fi kliemu, se jibqgħu jitgawdew mill-poplu Malti u Għawdxi fis-snin li ġejjin.
Filwaqt li elenka bosta miżuri li se jagħmlu dan, Dr. Muscat semma lill-anzjani, li ħadu l-akbar żieda fil-pensjoni tagħhom f’dawn l-aħħar 40 sena.
Siegħa biss wara li sar magħruf li l-anzjani ingħataw l-ikbar żieda mill-1980 ’l hawn, il-Prim Ministru wiegħed lill-anzjani li s-sena d-dieħla wkoll se jiżdiedu l-pensjonijiet, wara snin twal ta’ friża minn Gvernijiet preċedenti.
Dr. Muscat irringrazzja lil dawk kollha li ħadmu fuq il-baġit – lit-tim magħqud tal-Kabinett u l-Grupp Parlamentari, li permezz tiegħu sar possibbli dak li ħaddieħor kien jaqta’ qalbu li jagħmel.
Il-Prim Ministru nnota li filwaqt li l-ekonomija kienet seba’ miljun ewro tmien snin ilu, is-sena d-dieħla se tkun irduppjat għal erbatax-il biljun ewro. Qal li b’dan il-mod, il-Gvern m’għandux pressjoni biex jagħmel it-taxxi, u l-flus jista’ jonfoqhom fuq il-poplu.
Irrimarka wkoll li dan il-baġit – li reġà ma ntroduċa l-ebda taxxa – huwa baġit ta’ nofs leġiżlatura, u se jibni fuq ta’ qablu biex ilesti lil Malta għall-futur u jilqa’ għal problemi internazzjonali.