Għat-tielet sena konsekuttiva, l-id amministrattiva tal-Gvern ħejjiet dokument ‘It-Twettiq tal-Baġit 2016’ biex tagħti rendikont tat-twettiq tal-miżuri tal-baġit għal din is-sena.
Id-dokument jixhed l-importanza tal-ippjanar u tal-koordinazzjoni bil-għan li l-miżuri li jkunu tħabbru fil-Baġit jiġu mwettqa. Bħas-sena li għaddiet, id-dokument jagħti rendikont ta’ x’sar f’kull kwart tas-sena, fuq kull miżura mħabbra. Ma’ kull miżura hemm ukoll l-istadju li tinsab fih.
Din is-sena twettqu 80 miżura aktar meta mqabbel mal-ammont ta’ miżuri implimentati fl-2014. Dan filwaqt li meta mqabbel mal-ammont ta’ miżuri implimentati fl-2015, din is-sena twettqu 52 miżura aktar.
B’hekk din is-sena se jkunu twettqu 73% tal-miżuri, li jinkludu wkoll dawk il-miżuri li se jiġu implimentati sal-aħħar tas-sena. Dan il-persentaġġ jinkludi wkoll numru ta’ miżuri li l-implimentazzjoni tagħhom hija mifruxa fuq numru ta’ snin, madankollu din is-sena segwew il-pjan kif imfassal fil-bidu tas-sena.