Iż-żgħażagħ u l-baġit, ilbieraħ tħabbru numru ta’ miżuri li se jkunu qed jolqtu direttament liż-żgħażagħ. ONE News tkellem dwar dawn il-miżuri mal-President tal-Forum Żgħażagħ Laburisti, Dr Alex Saliba, li fi kliemu fisser kif dan il-budget se jkompli jagħti kwalitá ta’ ħajja aħjar liż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin permezz ta’ diversi inizjattivi.
Fi kliem Dr Saliba, permezz ta’ dan il-budget se tkun qed tissolva wkoll waħda mill-akbar problemi li ta’ kuljum jaffaċjaw l-istudenti Universitarji, dik tal-parkeġġ, fejn ġie mħabbar li ser jitwaqqaf Community Car Park ġewwa tal-Qroqq.
Il-President tal-FŻL spjega li “Dan il-Budget għar-raba sena konsekuttiva reġa żied l-istipendji tal-istudenti kollha filwaqt li aktar studenti ser ikunu qed jibbenefikaw minn grants supplimentari. Inċentiv pożittiv ieħor kien dak li permezz ta’ dan il-budget studenti illi jibqgħu jistudjaw fi kwalifiċi li huma kkunsidrati f’ livell inqas baxx ser jibqgħu jirċievu l-istipendju xorta waħda.”
Huwa aċċenna ukoll għal fond ta’ miljun ewro li se jkun qed jitnieda, għal studenti b’diffikultajiet, li l-għan tiegħu huwa dak li kull student jingħata opportunitá ugwali sabiex jirnexxi.
Il-Forum Żgħażagħ Laburisti, faħħru wkoll il-miżura fejn għall-ewwel darba żgħażagħ li se jkunu qed jagħlqu 18-il sena fl-2017, se jkunu eżenti milli jħallsu n-noll għat-trasport pubbliku għal sena sħiħa.