Il-Baġit 2025 ma ħalla lil ħadd barra. Dan intqal mill-Ministru Jonathan Attard waqt dibattitu t-Tlieta filgħodu mad-Deputat u Kelliem Nazzjonalista għall-Ekonomija u l-Intrapriża, Jerome Caruana Cilia.
Dr Attard sostna li, dak li wiegħed fil-manifest elettorali, il-Gvern se jwettqu f’nofs leġiżlatura.
Qal, “Hu baġit li wkoll jantiċipa l-impenji tagħna, ma nsemmu xejn ma’ dak li għandu x’jaqsam mat-tnaqqis fit-taxxa, l-impenn fil-manifest elettorali kien li nnaqqsu t-taxxa sal-aħħar ta’ din il-leġiżlatura b’€60 miljun. Naqqasniha, mhux biss f’nofs il-leġiżlatura t-taxxa, imma naqqasniha b’aktar mid-doppju ta’ dak li mpenjajna ruħna li nwettqu. L-istess ħaġa f’dak li għandu x’jaqsam ma’ inċentivi oħrajn, li komplejna nsaħħu, bħaċ-Children’s Allowance.”
Il-Ministru Attard spjega li Gvern Laburista lura fl-2013 implimenta t-tnaqqis fl-Income Tax, li kienet ilha mwegħda minn Gvern Nazzjonalista. Dakinhar, din il-miżura ħalliet €40 miljun fil-bwiet tal-ħaddiema u issa l-miżura, li tħabbret fil-Baġit 2025, se tħalli €140 miljun fil-bwiet tal-ħaddiema kollha Maltin u Għawdxin.
Min-naħa l-oħra, ġej mill-istess partit, li baqa’ ma ppubblika l-ebda pre-budget document din id-darba, il-Kelliem Nazzjonalista sostna li l-baġit m’għandu l-ebda pjan għall-pajjiż.
Il-Ministru Attard sostna li dan hu Gvern li jisma’ u jaġixxi fuq l-isfidi.
Qal, “U naħseb li l-poplu hemm barra jaf li meta kellna sitwazzjoni, marbuta kif għedt aktar kmieni ma’ sfidi ekonomiċi, kien il-Partit Laburista mill-Gvern li indirizzahom. Meta nqalgħet is-sitwazzjoni marbuta mal-pandemija kien Gvern Laburista li indirizzaha. Meta qamet sitwazzjoni dwar l-immigrazzjoni illegali, kemm ilna nsemmu, kellu jkun Gvern Laburista li jindirizzaha. Meta nqalgħet ċirkostanza marbuta mal-inflazzjoni, min kellu jintervjeni b’kuraġġ u jibda jindirizzaha b’serjetà biex bdejna naraw riżultati li għandu x’jaqsam ma’ inflazzjoni, kellu jkun Gvern Laburista.”