Fi stqarrija, l-Organizazzjoni Xellugija Żminijietna laqgħet b’mod pożittiv id-diversi miżuri soċjali introdotti mill-Gvern, fil-baġit għas-sena d-dieħla, li huma mmirati lejn familji bi dħul medju-baxx u baxx, pensjonanti u nies vulnerabbli oħra fis-soċjetà. Dan hekk kif sejħet il-baġit għall-2024, li ġie ppreżentat nhar it-Tnejn li għadda mill-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana bħala “baġit li jiffoka fuq il-bżonnijiet tan-nies.”
F’din l-istqarrija ġie nnotat ukoll ir-rieda politika tal-Gvern li jkompli jsostni lill-familji permezz tas-sussidju ta’ €350 miljun fil-prezzijiet tal-enerġija u sejħitilha bħala “miżura tajba”.
Dwar l-impjiegi ntqal ukoll li huwa pożittiv id-deċiżjoni li tiżdied il-Paga Minima Nazzjonali u anki li jiġu rregolati l-aġenziji ta’ reklutaġġ u impjieġ.
L-Organizazzjoni Żminijietna stqarret ukoll li “l-MCESD għandha tibda tiddiskuti l-idea li f’Malta tiddaħħal politika favur unjin mandatorja, li timmira għal dawk li jaqilgħu paga baxxa u ħaddiema barranin.”