“Għax nemmnu bis-sħiħ li l-arti u l-kultura huma importanti fil- proċess ta’ żvilupp nazzjonali, fl-2017 se nkomplu nagħtu l- importanza li tixraq lil dan is-settur b’miżuri” – stqarr dan il-Ministru Edward Scicluna filwaqt li elenka miżuri relatati mal-kultura, hekk kif pjanati fil-baġit għas-sena d-dieħla.
Fond Nazzjonali għall-Eċċellenza
Se jitwaqqaf Fond Nazzjonali għall-Eċċellenza mmexxi mill-Kunsill Malti għall-Arti li bih ser nagħtu għotjiet lil artisti u professjonisti fl- oqsma kulturali u kreattivi.
Proġett għal teatri lokali
Se ssir ħidma biex aktar minn ħamsin teatru lokali f’Malta u f’Għawdex jiġu żviluppati u jservu għal provi u produzzjonijiet artistiċi. B’hekk sidien privati ta’ dawn l-ispazji jistgħu b’mod indipendenti joħolqu pjanijiet strutturali għall-bini u għall-potenzjal artistiku tagħhom. L-għan huwa li tinħoloq skema ta’ investiment biex dawn l-ispazji, wħud minnhom storiċi, jiġu żviluppati bħala spazji għal attività artistika.
Valletta 2018
Bis-saħħa ta’ Valletta 2018 se jitħalla legat ħaj li jgħin ġenerazzjoni ta’ artisti jkabbru t-talenti tagħhom. Fl-2017 se jkomplu jittieħdu inizjattivi biex jissebħu l-attrazzjonijiet kulturali b’rabta ma’ Valletta 2018 u r-riġenerazzjoni tal-Belt.
Fost dawn insibu l-Mużew il-Ġdid tal-Arti (MUŻA) fil-Berġa tal- Italja, il-Valletta Design Cluster fil-Biċċerija l-Antika, ir- riġenerazzjoni ta’ Strada Stretta, is-Suq l-Antik, ir-rijabilitazzjoni tal- Knisja tal-Giżwiti, il-Mużew il-Ġdid tal-Arti Kontemporanja, il- faċċata ta’ barra tat-Teatru Manoel u r-restawr tal-faċċata ta’ Palazzo Ferreria u Palazzo Castellania.
Barra minn dawn ix-xogħlijiet, hemm maħsuba wkoll għadd ta’ proġetti oħra marbuta mar-riġenerazzjoni tan-naħa t’isfel tal-Belt Valletta. Fl-2017 se jitnieda proċess biex noħorġu sejħiet biex is- settur privat iressaq proposti għar-riġenerazzjoni tal-Pixkerija u l- bini li hemm fil-qrib f’Moll il-Barriera, tal-binja Evans kif ukoll taċ- ċentru tal-eżamijiet ħdejn il-Forti Sant Iermu.
Ħarsien ta’ wirt storiku
Wara d-demerger tal-MEPA f’żewġ awtoritajiet separati, ir-rwol u l- operat tas-Sovraintendenza tal-Patrimonju Kulturali fil-ħarsien tal- wirt storiku ngħataw aktar importanza. Għal dan il-għan, matul is- sena li ġejja se jingħataw izjed riżorsi lis-Sovraintendenza biex taħdem aħjar.