Filwaqt li se jkun qiegħed jagħti s-soluzzjonijiet għall-isfidi tal-lum, il-Baġit għas-sena d-dieħla se jindirizza l-prijoritajiet tan-nies.
Kien b’dan il-mod li l-Prim Ministru Robert Abela ddeskriva l-Baġit għas-sena li ġejja fl-intervent tiegħu fil-Parlament, waqt li kienu qed jiġu diskussi l-estimi għal-Uffiċċju tiegħu.
Il-Prim Ministru rrefera wkoll għal diversi miżuri soċjali li joħorġu minn dan il-Baġit u li setgħu jsiru jaslu minħabba l-qagħda ekonomika b’saħħitha ta’ pajjiżna.
Waqt li rrefera għal eżempji ċari kif il-Baġit mhux se joffri l-ebda piżijiet, il-Prim Ministru Robert Abela qal li dan, allura, hu Baġit li jagħti s-serħan il-moħħ.
Tkellem ukoll fuq id-deċiżjoni li jitellaq il-proċess ta’ ‘Viżjoni Malta 2050’ biex l-industriji f’pajjiżna jevolvu lejn dawk ta’ valur miżjud aktar għoli. Dr Abela rrefera wkoll għar-regoli l-ġodda li se jkunu qed jitniedu fiż-żmien li ġej dwar l-importazzjoni ta’ ħaddiema minn pajjiżi terzi permezz tal-Labour Migration Policy.
Semma wkoll il-bżonnijiet il-ġodda tas-soċjetà, fosthom dak ta’ aktar spazji miftuħa u ħodor.
Waqt li rrefera ukoll għal dak li suppost kellu jiġi ppreżentat mill-Oppożizzjoni, il-Prim Ministru enfasizza li l-Partit ta’ Bernard Grech lanqas kien kapaċi jippubblika l-pjan tiegħu, għax kif irrimarkat fi ħdanu stess kien “bla sustanza”.
Il-Prim Ministru wkoll kixef il-qerq Nazzjonalista li, biex jipprovaw jiddevjaw l-attenzjoni, ħarġu sett ta’ proposti dwar it-taxxa tad-dħul. Proposti li Dr Abela qal li, meta staqsa kemm se jiġu jiswew, ma kellu l-ebda tweġiba.
Iżda quddiem in-negattività u t-taħwid tal-Oppożizzjoni, il-Prim Ministru kompla juri t-triq ’il quddiem għal pajjiżna.