Għall-ewwel darba fl-istorja tal-liġi industrijali, qiegħed jitwaqqaf kumitat permanenti fil-Wage Regulation Orders biex tinħoloq uniformità fis-setturi regolati, b’enfasi fuq kundizzjonijiet tax-xogħol imtejba u aġġornament tal-liġijiet tax-xogħol.
Din il-miżura ġdida hija parti mill-Baġit 2025 bit-tema ‘Pajjiż ta’ Kwalita’ li se twassal għal uniformità u titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ numru ta’ ħaddiema f’setturi regolati minn dawn il-liġijiet.
Fil-fatt waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mis-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul, spjega li l-Wage Regulation Orders f’Malta ġew introdotti fis-snin ħamsin, bħala qafas leġiżlattiv biex jipproteġu lill-ħaddiema minn kundizzjonijiet ta’ xogħol mhux ġusti u sabiex joffrulhom paga minima bażika.
Sadanittant fl-2023 ġie imwaqqaf kumitat ta’ esperti sabiex janalizza l-liġijiet u s-setturi biex ikun jista’ jitkompla l-process ta’ riforma b’mod strutturat.
Bis-saħħa ta’ dan il-kumitat, se jkun hemm mekkaniżmu biex aktar minn 60 liġi tax-xogħol, li jistabbilixxu kundizzjonijiet għall-ħaddiema f’diversi setturi, inklużi setturi bħall-kostruzzjoni, ospitalità, manifattura, trasport u elettronika, jibqgħu jiġu aġġornati kontinwament u jkunu jirriflettu r-realtajiet moderni tas-suq tax-xogħol.
Intqal li se jiġu organizzati konsultazzjonijiet mal-ħaddiema direttament sabiex jiżgura li t-tibdil fil-liġijiet tax-xogħol ikun riflessjoni tal-ħtiġijiet tagħhom, b’għan ċar li jiġu mtejba l-kundizzjonijiet tax-xogħol rilevanti b’mod kontinwu. Dan l-eżercizzju ta’ konsultazzjoni ser jestendi wkoll ma’ min iħaddem.