Baġit 2018 huwa prova ċara ta´Gvern li għandu viżjoni ċara u kredibbli bi pjan li l-ħidma tiegħu qed tissarraf f´aktar ġid għall-familji Maltin u Għawdxin.
Dan qalitu l-MEP Laburista Miriam Dalli waqt li kienet qed tindirizza djalogu, il-Ġimgħa filgħaxija ġewwa l-lukanda Fortina f´Tas-Sliema.
“Hija kwistjoni ta’ kredibilità u l-baġit għas-sena 2018 wera li l-Gvern għandu pjan kredibbli li qiegħed iwettaq u li se jkompli jwettaq fix-xhur u s-snin li ġejjin. Hija din il-kredibilità li qed tgħin lin-nies ikollhom fiduċja fil-futur tagħhom,” qalet Dr Dalli.
Hija kompliet issostni li din il-fiduċja tissarraf ta´ ġid kemm għall-adulti, familji, negozji kif ukoll għat-tfal.
“Jeżisti sens ta’ fiduċja li qieghed iwassal biex il-Maltin u l-Għawdxin jinvestu aktar u jkomplu jaċċertaw ruħhom li l-ħajja tagħhom tista’ titjieb għalihom u għat-tfal tagħhom,” sostniet Miriam Dalli.
L-MEP Dalli qalet li l-Baġit 2018 huwa uniku mhux biss għaliex ma daħħlet l-ebda taxxa ġdida imma ghaliex kienet okażżjoni li fiha l-Gvern ippreżenta l-viżzjoni tieghu għall-futur. Żiedet tfakkar kif dan il-baġit qiegħed jagħti aktar flus u inċentivi lill-familji u kif qed jaħseb f-firxa wiesgħa ta´nies, inkluż l-anzjani, il-pensjonanti, iż-żgħażagħ u l-ħaddiema.
“Kien hawn min staqsa dwar fejn hu s-surplus u l-Gvern ta risposta ċara ta´ kif qed jitqassam u jintuża dan is-surplus li għal ħaddieħor kien impossibbli,” qalet Miriam Dalli.
Waqt dan id-djalogu bi l-għan li żżomm liċ-ċittadini infurmati dwar il-ħidma tagħha, l-MEP Miriam Dalli tkellmet dwar il-ħidma li qeda´ twettaq fil-Parlament Ewropew, b´mod speċjali fil-qasam tas-sigurta fil-kumitat tal-Gustizzja u Intern u fil-qasam tal-ambjent u s-saħħa pubblika.