Meta it-Times of Malta staqsew lil Tony Abela għaliex mhux kelliem ta’ suġġett bħal membri l-oħra tal-grupp parlamentari nazzjonalista bagħthom għand il-Kap Nazzjonalista, Simon Busuttil.
Abela ilu mingħajr dekasteru minn meta rebaħ is-siġġu parlamentari fuq is-seba’ distrett f’by election u l-fatt li ma nħatar kelliem ta’ xejn spikka iktar meta din il-ġimgħa Edwin Vassallo u Peter Micallef ingħataw ħatra mill-ewwel.
Iżda, wara li bagħat lit-Times għand il-Kap, Abela sabilhom raġuni. Qalilhom li talab lil Simon Busuttil biex hu jitkellem dwar dak li jħossu n-nies għax il-kostitwenti tiegħu għandhom problemi differenti minn dawk ta’ distretti oħra. “U tahili,” qal Abela fir-risposta tiegħu.
Dwar dan irrapportat il-KullĦadd tal-bieraħ li qalet li bejn Abela u bejn Simon Busuttil għad hemm pika li żviluppat minn qabel il-by-election fuq is-seba’ distrett. Wara li rriżenja Joe Cassar, l-Eks Ministru għas-Saħħa li rċieva rigali mingħand ta’ Gaffarena, il-Kap tal-Oppożizzjoni ma riedx li Tony Abela jkun elett fil-Parlament.
Dan mhux għax ma riedx lil Abela. Għax kif jispjegaw imkejjen fil-Partit Nazzjonalista, la m’għandux problema b’Edwin Vassallo m’għandux ikollu b’Tony Abela. Iżda, Busuttil ried idaħħal xi ħadd iktar tal-qalba tiegħu. Però Abela ma tahx iċ-ċans għax dakinhar lil Simon Busuttil qallu li biex ma jikkontestax kellu jkun co-opted ibnu Sam, li huwa wkoll kandidat tal-Partit Nazzjonalista.