Meta dalgħodu kompla s-smigħ fil-qorti fil-każ tal-hijack tal-Afriqiyah Airways deher għal wieħed mill-akkużati, l-avukat Julian Farrugia.
L-avukat Farrugia jaħdem fid-ditta legali li ta’ Jason Azzopardi, Azzopardi & Busietta advocates. Sal-bieraħ Azzopardi kien qed jgħid li ma’ ħaddieħor kien avukat tad-difiża f’din il-kawża. “Co-representing,” qalet it-Times of Malta li tkellmet mal-istess Azzopardi.
Iżda, wara l-kritika ħarxa għal mod kif esponent politiku spiċċa jiddefendi lil min kien involut f’dan il-każ Azzopardi prova jdawwar xi ftit id-diskors. Mal-Maltatoday tal-lum qal li ma ħax il-każ iżda qed jassisti lil Patrick Valentino, avukat ħabib tiegħu tal-għajnuna legali.
Iżda, fil-verità Jason Azzopardi daħal b’ruħu u ġismu fiha tant li saħansitra mar il-ħabs ikellem lill-akkużati. Biex meta ġie l-mument tal-prova, is-smigħ quddiem il-Maġistrat li għaddej bħalissa, l-avukat li qed jidher għal hi jacker huwa l-istess wieħed li jidher f’għexieren ta’ kawżi ma’ Jason Azzopardi.
Azzopardi u Farrugia jirrappreżentaw flimkien lill-klijenti għax qegħdin fl-istess uffiċju u jaħdmu bħala tim. Lill-ġurnalisti l-avukat Farrugia qalilhom li ma kienx qed jidher f’isem l-uffiċċju. Iżda, tiftixa sempliċi fis-sit tal-Kamra tal-Avukati turi li l-avukat Farrugia ma’ uffiċċju wieħed jaħdem, dak ta’ Jason Azzopardi.