Minn nhar it-Tnejn li ġej se jibdew jitqassmu kaxxi bi prodotti għat-trabi biex titrawwem il-kultura ta’ ħajja sostenibbli fid-djar Maltin.
Din il-baby box tinkludi għaxar prodotti, bħal gverta magħmula mill-bambù, ħarqa li terġa’ tintuża, tote bag magħmul minn fliexken tal-plastik riċiklati u kalzetti u ingwanti.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat waqt it-tnedija tal-Baby Box fiċ-childcare Lil’Ville.
Hawn intqal kif it-tema magħżula hija ‘You Hold Their Future’ għax biex jitrawwem stil ta’ ħajja sostenibbli, is-sostenibbiltà trid tkun parti mill-ħajja ta’ kull individwu sa mit-twelid.
Permezz tad-Direttorat għall-Iżvilupp Sostenibbli, dan il-proġett pilota se jkun qed jiġi evantwalment estiż kif imħabbar fid-diskors tal-Budget għas-sena 2022.
Il-Ministru Miriam Dalli tenniet kif il-vantaġġ ta’ dawn il-prodotti huwa li se jkunu jistgħu jerġgħu jintużaw aktar minn darba: “Permezz ta’ din il-baby box qegħdin naraw li nġibu flimkien prodotti differenti li jintużaw meta jkun hemm twelid ta’ tarbija imma li huma sostenibbli jiġifieri f’din il-baby box rajna li npoġġu prodotti li huma magħmulin pereżempju mill-bambù, prodotti li jistgħu jiġu użati iktar minn darba, prodotti li mhux tispiċċa tuża mbagħad tarmi.”
Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat qal li s-sehem loġistiku ta’ Identity Malta fit-tqassim ta’ dawn il-kaxxi huwa eżempju ieħor ta’ kif din l-aġenzija qed tiffaċilita ħajjet in-nies.
Huwa qal, “L-inizjattiva hija intiża biex nibdew ngħallmu l-prinċipju ta’ dak li huwa sostenibbli mill-iktar età bikrija. Infatti ħa nkunu qed inqassmu din il-baby box mill-uffiċċji tagħna ta’ Identity Malta li jinsabu f’Mater Dei lil dawk il-ġenituri kollha li ħa jkollhom l-ulied sabiex minn età żgħira ħafna nibdew ngħallmu l-prinċipju ta’ sostenibilità.”
Din l-inizjattiva tindirizza żewġ miri tal-Iżvilupp Sostenibbli tal-Ġnus Magħquda, l-ekonomija sostenibbli, u produzzjoni u konsum sostenibbli.
Il-Baby Box tista’ tinġabar mill-uffiċini ta’ Identity Malta fl-Isptar Mater Dei jew fil-Marsa u mill-Uffiċċju tar-Reġistru f’Għawdex meta ssir ir-reġistrazzjoni tat-tarbija.