Studju ppubblikat mill-Eurofound, il-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Għajxien u l-Kundizzjonijiet tax-Xogħol tal-Unjoni Ewropea, jindika li fl-2022 Malta kellha l-ogħla livell ta’ intitolament għal-leave annwali mħallas minn fost il-pajjiżi kollha Ewropej.
Fir-rapport tagħhom, l-esperti Ewropej jinnotaw li t-tul totali magħdud flimkien tal-leave annwali u l-btajjel pubbliċi jvarja ħafna madwar l-UE. Fl-2022, kien ivarja minn 28 jum fl-Estonja, l-Ungerija, il-Belġju u l-Olanda għal 38 jum fid-Danimarka u 40 jum f’Malta.
F’19 mis-27 pajjiż, id-dritt għal-leave annwali hu stabbilit għal 20, l-intitolament minimu stabbilit fid-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol. Dawn jinkludu lill-Belġju, il-Finlandja, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja u l-Olanda. Fil-Portugall u fi Spanja dan l-intitolament hu stabbilit għal 22 jum, filwaqt li fl-Awstrija, id-Danimarka, Franza u l-Iżvezja l-ħaddiema huma intitolati għal 25 jum ta’ leave bi ħlas. Fil-Lussemburgu, it-tul minimu ta’ żmien tal-leave annwali huwa ta’ 26 jum.
F’Malta t-tul bażiku hu ta’ 24 jum, iżda b’mod differenti minn pajjiżi oħrajn dan l-intitolament jiżdied biex jikkumpensa għall-btajjel pubbliċi li jaqgħu fi tmiem il-ġimgħa u b’hekk fl-2022 l-intitolament kien tela’ għal 28 jum.
Meta wieħed iżid il-leave annwali man-numru ta’ btajjel pubbliċi, Malta tibqa’ fuq nett tal-lista tal-UE b’40 jum ta’ ħin liberu b’paga sħiħa. Dan hu sebat ijiem aktar mill-medja Ewropea. Meta mqabbel ma’ ħaddiem fl-Olanda jew fil-Belġju, ħaddiem f’pajjiżna gawda minn 12-il jum ieħor imħallas fl-2022.
Din is-sena Malta mistennija żżomm din l-ogħla pożizzjoni, imma dan biss minħabba l-bidliet fil-leġiżlazzjoni li ddaħħlu mill-Gvern Laburista minn wara l-2013, wara li fl-2005 l-amministrazzjoni ta’ GonziPN kienet serqet dawn il-btajjel bl-iskuża biex tiżdied il-produttività.
Li kieku għadna bir-regoli stabbiliti mill-Gvern Nazzjonalista, il-ħaddiema Maltin din is-sena kienu jitilfu sitt festi pubbliċi li se jiġu fi tmiem il-ġimgħa u jispiċċaw mal-medja tal-UE.
Minflok, għal darb’oħra, se jkollhom l-ogħla ammont ta’ intitolament għal-leave fl-Ewropa.