Jason Azzopardi kien skorrett meta quddiem il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi l-Erbgħa li għadda insista li jaqra stqarrija ġuramentata qabel ma jwieġeb id-domandi fil-każ tat-trasferiment tal-art fil-fekruna.
F’ruling mogħti mill-ispeaker Anġlu Farrugia u li fih ikkwota r-rulings mill-House of Commons Kanadiża li fuqhom huma bbażati l-linji gwida tal-kumitat, intqal li meta jkun hemm xhud li se jixhed bi stqarrija ġuramentata, huwa għandu jieħu mhux iżjed min għaxar minuti biex jispjega l-punti saljenti tax-xhieda tiegħu imbagħad isirulu l-mistoqsijiet, ħaġa li Jason Azzopardi ma għamilx.
Il-każ seħħ l-Erbgħa li għadda meta Azzopardi kien suppost se jagħti x-xhieda tiegħu fil-każ tal-fekruna li jinsab quddiem il-Kumitat tal-kontijiet pubbliċi. Iżda Azzopardi insista li ma riedx jwieġeb il-mistoqsijiet mill-membri tal-kumitat qabel ma jaqra l-istqarrija fl-intier tagħha.
Il-laqgħa tal-kumitat iddiġenerat bil-membri tal-gvern jinsistu li x-xhieda t’Azzopardi għandha tittiħed bħala moqrija filwaqt li ċ-ċerpersin tal-kumitat Beppe Fenech Adami ried li Azzopardi jaqra l-istqarrija kollha. Eventwalment intalab ir-ruling u l-laqgħa ntemmet ħesrem.