Id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi ma ċaħadx li jekk il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jkun fil-Gvern jikkunsidra li jerġa’ jibdel il-liġijiet taċ-ċensura għal kif kienu. Kien one.com.mt li dalgħodu żvela li l-Partit Nazzjonalista jrid jerġa’ jemenda l-liġi biex iġibha kif kienet qabel għaddew riformi importanti fl-aħħar ġimgħat. Meta mistoqsi dwar dan fi briefing għall-ġurnalisti mingħajr cameras huwa qal li d-deċiżjoni tittieħed meta jkun qed isir il-Manifest Elettorali. Fid-Dar Ċentrali, Azzopardi reġa’ uża l-inċident bil-Koran f’Mater Dei biex hu u l-Partit tiegħu bdew kampanja kontra l-bidla f’din il-liġi. Id-Deputat Nazzjonalista qal li l-liġi kif kienet qabel kienet toffri serħan il-moħħ u paċi pubblika.
Qal ukoll li meta saru dawn it-tibdiliet, il-Gvern stieden l-għawġ b’idejh biex issa nies “imġienen” u “iddisprati” qed jippruvaw joħolqu l-mibegħda reliġjuża.
Minkejja dan id-diskors, fit-tielet qari fil-Parlament, il-Partit Nazzjonalista ivvota favur il-bidliet fil-liġi tal-vilifikazzjoni tar-Reliġjon.
Dan l-attakk ta’ Jason Azzopardi qed isir minkejja li l-liġijiet huma ċari li l-mibegħda reliġjuża għada reat kriminali.