B’mod indirett iżda ċar ħafna d-deputat Jason Azzopardi wieġeb lil Adrian Delia li fuq facebook qal li biex ikun hemm l-għaqda id-deputati m’għandhomx jibqgħu jgħidu lil min qed jappoġġjaw pubblikament.
Għalkemm hemm min qed jgħid li dan għamlu għax ma kienx hemm iktar deputati li lesti jappoġjawh ma’ dawk li diġa’ tkellmu, Delia argumenta li hekk il-Partit Nazzjonalista joħroġ iktar b’saħħtu.
Iżda, din l-idea ma tantx niżlet tajba ma’ Jason Azzopardi li mar jitkellem fis-Siġġiewi fuq kif fil-Partit Nazzjonalista għandu jkun hemm il-libertà.
Jason Azzopardi għamel diskors jitkellem fuq l-esperjenza politika u kif hu iblah min jaħseb li jaf kollox, filwaqt li fakkar li f’kull tellieqa għall-kap tal-partit nazzjonalista kien hemm deputati li appoġġjaw kandidat jew ieħor.
Għalhekk, qal Azzopardi, m’għandux diffikulta jitkellem fil-miftuħ.
Intant, fis-Siġġiewi reġa’ spikka d-diskors dwar kemm hu maqsum il-Partit Nazzjonalista, b’Edwin Vassallo jagħmel sforz biex jikkonvinċi lill-partitarji li ma waqgħetx id-dinja.
Iżda Azzopardi, bħal David Casa fl-aħħarjiem, qal li l-Partit Nazzjonalista ma jistax jibqa sejjer hekk.