Jason Azzopardi irreaġixxa għal dak li żvela l-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici dalgħodu, ċioe li l-kuntrattur Zaren Vassallo ltaqa’ ma’ Azzopardi meta kien Ministru, qabel id-deal tal-Lowenbrau, u żgurah li xi ħaġa jirranġaw.
Azzopardi, shadow Minister tal-Ġustizzja, hedded li “Owen Bonnici se jkollu jwieġeb quddiem il-Qorti” għal dak li qal.
Lil hinn mill-kliem ta’ theddid, Azzopardi ma spjegax x’kien dak li wassal biex Vassallo għamel gwadann daqshekk tajjeb mill-art f’Ħal Qormi. Lanqas ikkommetta ruħu li se jerfa’ responsabiltà politika, kif qal li għandu jagħmel l-Awditur Ġenerali.
Minflok, infexx f’attakk sfrenat kontra l-Gvern, jattakkah b’korruzzjoni, meta l-korruzzjoni provata bil-fatti hija dik li qed jgħid l-Awditur Ġenerali li għamel Azzopardi, meta kien responsabbli mill-artijiet.