L-Avukat tal-għaqda Repubblika u dak li sejjaħ lilu nnifsu bħala d-Deputat tal-‘Blue Heroes’, oġġezzjona fil-Qorti li jittella’ bħala xhud court attorney, li possibbilment jxejjen l-argumenti li ressaq hu stess fl-appell fejn attakka u akkuża lill-ġudikatura li ċaħħditlu t-talba biex jixħet f’inkjesta maġisterjali lill-Ministru Clint Camilleri.
Fil-Qorti, quddiem l-Imħallef Aaron Bugeja, l-Erbgħa filgħodu sar is-smigħ tal-appell li fetaħ Jason Azzopardi li, fi żmien il-festi tal-Milied, talab salt inkjesti fuq għadd ta’ persuni.
Talbiet li bosta minnhom ġew miċħuda, bħal tliet talbiet fil-konfront tal-Ministru Camilleri, iżda appella u akkuża lill-Maġistrat Bridgette Sultana, li ma kinitx sentenza tagħha, iżda ta’ ġudikant ieħor.
Dan f’attakk fuq il-ġudikatura għax ma qabilx mad-deċiżjoni tagħha.
It-tliet talbiet għal inkjesti fuq il-Ministru Camilleri kienu fuq allegat racket ta’ rmiġġi fil-Port tal-Imġarr, ix-xogħlijiet fil-Pixxina Olimpika ta’ Għawdex u xogħlijiet infrastrutturali fi Triq in-Nadur.
Dwar dawn l-allegazzjonijiet, il-Qorti kienet sabet li ma kienx hemm bażi biex jinfetħu inkjesti u sostniet, b’mod ċar, li Jason Azzopardi naqas milli jindika anke traċċi jew ħjiel ta’ suppost evidenza biex jipprova l-akkużi li għamel.
Għaldaqstant ġew iddikjarati mill-Qorti li huma bla bażi.
Il-Qorti qalet li dak li tefa’ quddiemha Jason Azzopardi, fosthom ir-referenza għal mobile phones, servers u devices hi xi ħaġa ġenerika li, bir-rispett, titfa’ dubju fuq l-attendibilità tal-informazzjoni mogħtija mill-istess Avukat tal-għaqda Repubblika.