Id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi qal li ma kienx qed jirreferi għall-Ministru Carmelo Abela meta kiteb fuq il-midja soċjali fuq l-attentat ta’ hold-up tal-bank HSBC f’Ġunju 2010.
Meta fil-Qorti kompla jinstema’ l-każ ta’ libell li fetaħ il-Ministru Abela kontra l-allegazzjonijiet li għamel Jason Azzopardi, quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello, Jason Azzopardi xehed li ma kienx qed jirreferi għall-Ministru Carmelo Abela.
Dan meta l-Avukat Pawlu Lia, li qed jidher għal Carmelo Abela, staqsa lil Jason Azzopardi fuq sentenza li kiteb fuq facebook meta semma telefonati biex jiġu mhedda xhieda ta’ hold-up b’telefonati fuq Signal mill-mandant.
Azzopardi qal li hawnhekk kien qed jirreferi għal eks politiku u mhux għal Carmelo Abela.
Jason Azzopardi qal li jrid jixhed fil-magħluq.
Fl-aħħar xhur, Jason Azzopardi flimkien mal-Partit Nazzjonalista ta’ Bernard Grech bnew kampanja t’attakki kontra Carmelo Abela bbażati fuq allegazzjonijiet.
Fuq ir-radju tal-Knisja, Jason Azzopardi kien qal hekk ftit tax-xhur ilu.
Jason Azzopardi qal, “Semma persuna li tokkupa kariga fil-Kabinett illum,” b’Andrew Azzopardi jistaqsi, “Ministru jew Segretarju Parlamentari?”
Kien hemm li Jason Azzopardi rrisponda, “Ministru. Illum, mhux kien biex ħadd ma jifhimni ħażin li qed nirreferi għal xi ħadd illi m’għadux, xi ħadd illi hu u dan ix-xi ħadd mhux Avukat.”
Saħansitra Bernard Grech kien qed jibbaża parti mid-diskorsi politiċi tiegħu, billi jsemmi l-allegazzjonijiet li għamel Jason Azzopardi.
Qal, “L-inqas li għandu jagħmel Robert Abela hu, li jkeċċi lill-Ministru Abela mill-Kabinett.”
Fil-Parlament, fix-xhur li għaddew, il-Prim Ministru nnota wkoll l-aġir tal-Oppożizzjoni.
Qal, “Qumu, Jason, qum u għidli għal min qed tirreferi, għidli, qiegħed hawnhekk quddiemek, għidli għal min qed tirreferi. U żgur li bilqiegħda tibqa’ u ma titnifisx.”