Id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi gideb meta qal li għad-deal ta’ art fi Spinola, San Ġiljan, ġab l-approvazzjoni tas-Segretarju Permanenti tal-Ministeru. U minkejja li għat-tieni darba f’sebat ijiem irriżulta li l-eks Ministru, Jason Azzopardi, ma qalx il-verità b’rabta ma’ dan id-deal skandaluż, il-Kap tal-Oppożizzjoni għadu sieket ma jgħid xejn u ma jagħmel xejn.
Kien dan il-messaġġ ta’ konferenza tal-aħbarijiet li għamlu d-deputati Robert Abela u Clayton Bartolo l-għada li s-Segretarju Permanenti msemmi minn Jason Azzopardi xehed fil-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi u qal li ma ta ebda approvazzjoni.
Lil Paul Zahra, Azzopardi semmih b’ismu. Iżda, meta ffaċjat bid-dikjarazzjoni tal-eks Ministru, Zahra għamilha ċara li ma ta ebda parir biex il-gvern jagħżel it-triq li waslet biex għal art ta’ €2,500,00 il-gvern spiċċa daħħal €35.
Id-deputat Laburista Robert Abela staqsa għaliex dan il-gideb ta’ Jason Azzopardi u tenna li Adrian Delia ma jistax jibqa’ passiv u mingħajr ma jieħu ebda passi.
Bid-deputat Clayton Bartolo jtenni li d-dikjarazzjonijiet ta’ Zahra jsegwu dawk tal-eks Direttur fid-Dipartiment tal-Artijiet, Iman Schembri, li minn naħa tiegħu sostna li Jason Azzopardi kien involut ħafna fil-proċess li wassal għal dan id-deal skandaluż.
Iż-żewġ deputati nnotaw ukoll il-fatt li għal-laqgħat tal-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi qed jattendi biss il-Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami. Xi ħaġa oħra sinjifikattiva ħafna quddiem deal mill-iktar skandaluż li għandu t-timbru ta’ Jason Azzopardi.