Kien ikun aħjar li Jason Azzopardi ħareġ jgħid kif se jerfa’ r-responsabbiltà tad-deal skandaluż tal-Lowenbrau u li tiegħu hu totalment responsabbli kif ikkonfermat din il-ġimgħa stess mill-Qorti. B’dan id-deal skandaluż il-gvern kien tilef miljuni ta’ ewro li setgħu kienu investiti fi proġetti fejjieda kif qed isir illum.
Fuq kollox hija gidba ta’ Jason Azzopardi li l-gvern se jkun qiegħed iqaċċat jew joqtol mal-elf siġra, filwaqt li l-proġetti infrastrutturali li qed jikkritika l-Partit Nazzjonalista huma proġetti li kellhom isiru snin ilu. Għax ma sarux, issa l-gvern irid jagħmel tajjeb għal kemm il-pajjiż waqa’ lura, fl-istess ħin li jrid iħejji l-infrastrutura tal-ġejjieni.
Il-gvern dan qed jagħmlu billi joħloq il-bilanċ meħtieġ bejn il-progress infrastrutturali li ilhom jokorbu għalih in-nies u l-ħarsien ambjentali. Tant li fi tmiem ta’ kull proġett se jkun hemm iktar siġar milli hemm illum u saħansitra saru bidliet bil-għan li l-impatt ambjentali jkun ferm inqas minn kemm kien ikun bi proġetti kif maħsuba orġinarjament.
Fuq in-naħa l-oħra l-kelliema tal-Partit Nazzjonalista qed jipprovaw jirkbu fuq it-tħassib ġenwin ta’ xi persuni mingħajr ma jipprovdu l-ebda alternattiva. Dan f’att ta’ ipokrezija politika ta’ min meta jkun hemm it-traffiku jeqred u jikkritika l-gvern bit-traffiku u meta jiġi biex jindirizzah jgħid li aħjar ma jsir xejn. Għalhekk il-Partit Nazzjonalista ma jistax ikun fdat.