Tul id-diskussjoni fil-Kumitat li fih ħareġ li Malta hija storja ta’ suċċess fl-użu tal-fondi Ewropej, iċ-Chairperson tal-Kumitat, li hija membru tal-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew bdiet tinterompi u twaqqaf l-Ewro Parlamentari Laburista Alex Agius Saliba, li beda jiddefendi isem Malta.
Monika Hohlmeier bdiet twaqqaf lil Agius Saliba milli jitkellem fuq tema li Membru Parlamentari Ewropew ieħor, din id-darba tal-Partit Popolari Ewropew beda jitkellem fuqha fl-istess laqgħa, bid-differenza li l-membru tal-Popolari Ewropej, ma kienx imxekkel milli jitkellem.
B’rabta ma’ dan l-aġir, il-President tal-Grupp tas-Soċjalisti fil-Parlament Ewropew Iratxe Garcia Perez se tkun qed tressaq ilment mal-President tal-Parlament Ewropew David Sassoli dwar il-mod degradanti li ġie trattat bih l-Ewro-Parlamentari Malti Agius Saliba.
F’kummenti ma’ ONE News, Dr Agius Saliba tkellem ukoll fid-dawl li anki d-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi tella’ filmat u nfexx f’tgħajjir lejn Agius Saliba u qal li l-Labour iġiegħlek tistħi.
Qal, “Aħna sejrin nkomplu naħdmu dejjem favur Malta anki jekk ikollna nieqfu lill-Grupp tal-Popolari u liċ-Chair tal-Grupp tal-Popolari fil-Parlament Ewropew. Għaliex iva pajjiżna anki fejn jidħlu l-fondi Ewropej qed jimxi b’mod tajjeb kif fl-aħħar mill-aħħar ikkonfermat il-Kummissjoni Ewropea u l-OLAF.”
https://www.one.com.mt/2021/05/26/l-olaf-u-l-ke-jikkonfermaw-is-success-ta-malta-fl-uzu-tal-fondi-ewropej/