Azzopardi jallega b’18,000 ID Card falza … il-Prosekuzzjoni tinvestiga u rriżultawlha biss 7
Waqt li fil-Qorti kompla jinstema’ l-każ dwar allegati karti tal-identità foloz, il-Prosekuzzjoni ammettiet li, filwaqt li ngħatat l-impressjoni li kien hemm eluf ta’ dokumenti foloz, kif kien sostna l-eks Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi, fil-fatt instabu biss sebgħa.
Dak magħruf bħala d-Deputat tal-Blue Heroes u l-Avukat tal-għaqda Repubblika kien allega li hemm mat-18,000 karta tal-identità falza. Bil-Partit Nazzjonalista wkoll jirkeb fuq l-istess allegazzjoni, li issa ġiet imxejna kompletament, permezz ta’ stqarrijiet u anke konferenzi tal-aħbarijiet.
Iżda issa anke l-Pulizija, bħala Prosekutur, qed tgħid li mill-investigazzjonijiet li wettqet sabet li hemm biss seba’ allegati karti tal-identità foloz.
Il-prosekuzzjoni spjegat li dan jirriżulta wara li investigat diversi ittri fuq indirizzi ħżiena, ftehimiet ta’ kirjiet u anke kontijiet tal-internet, iżda minn dan kollu rriżulta biss seba’ karti tal-identità foloz.
Quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, dak li kien iċ-Chief Head of Compliance ta’ Identità, Claudio Spiteri, ġie mistoqsi dwar l-allegazzjonijiet ta’ eluf ta’ karti ta’ identità foloz kif allega Jason Azzopardi.
Minkejja dan, Spiteri wieġeb li quddiem Identità kien hemm biss 16-il fajl u dawk l-eluf kollha li ssemmew hu qatt ma kien sema’ bihom.
Fuq dan il-każ hemm mixlija Maria Rita Spiteri ta’ 32 sena, li kienet taħdem ma’ Identità, u Bernard Attard ta’ 33 sena. Huma qed jiġu akkużati, fost l-oħrajn, b’tixħim, ħasil ta’ flus u serq ta’ identitajiet wara investigazzjoni interna mill-istess entità governattiva Identità, li minnufih irrapportat il-każ lill-Pulizija.