Id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi esprima r-rabja tiegħu fil-miftuħ wara li sar jaf b’messaġġi kontrih min-nies qrib il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia.
Azzopardi kien wieħed mid-deputati nazzjonalisti li fl-aħħar xhur baqgħu ma jarawx għajn m’għajn mal-kap Nazzjonalista. Kien wieħed minn dawk ukoll li ħareġ għonqu għal Chris Said fl-elezzjoni għat-tmexxija tal-partit.
Wara li l-Ħamis ħareġ jilmenta li tħalla fil-għama dwar laqgħa li saret fil-każin Nazzjonalista ta’ Ħal Tarxien, il-Ġimgħa akkuża lil Hubert Zammit, il-President tal-Kumitat tal-każin nazzjonalista ta’ Ħal Tarxien li kiteb kontrih bħala deputat tal-partit fiċ-chat tal-kumitat Sezzjonali li hija kkordinata minn Jean Pierre Debono u bil-barka u r-riħ tal-Kap Adrian Delia.
F’din iċ-chat, Zammit irrefera għal kitba kritika ta’ Azzopardi u wera t-tama li jwarrab mill-Partit Nazzjonalista.
Biex jiġġustifika l-attakk tiegħu fil-miftuħ, Azzopardi qal li issa ara ma jiġix xi ħadd jgħid li qed jagħmel il-ħsara. Qal li kien qed isserraħlu rasu u lil dawk li sejjaħ bħala l-kompliċi ta’ miegħu, li hu mhux se jwarrab u jibqa’ fil-Parlament.
Qal li din ma kinitx l-ewwel darba u ilu jissaporti fis-skiet waqt li wissa li fil-jiem li ġejjin se jkun magħruf kif Hubert Zammit mexa ma’ Miriam Attard ex membru tal-Kumitat Sezzjonali ta’ Ħal Tarxien.
Żied jgħid li hu kien uffiċjal f’Kumitat Sezzjonali ta’ 18-il sena u qatt ma kien joħlom li jindirizza deputat bil-mod kif ġie indirizzat hu minn Zammit.
Intant din il-konverżazzjoni wasslet għal reazzjoni ta’ bosta fosthom ta’ Jean Pierre Debono u ta’ Zammit innifsu li stqarr li kien se jerfa’ r-responsabbiltà u jirriżenja.
Madankollu wieġbu u ttama li l-President li se jkun hemm warajh ma jkollux għax iħabbat wiċċu mat-tfixkil u l-ostakli li kellu jaffaċċja hu minħabba fih f’dawn l-aħħar xhur.