10 snin ilu Jason Azzopardi kien idaħħal salarju ta’ Segretarju Parlamentari li kien €22,000 fis-sena iktar minn kemm jaqla’ Segretarju Parlamentari llum.
Tixhed dan id-dikjarazzjoni tal-assi tiegħu u li ġiet ippublikata fil-gazzetta KullĦadd wara l-allegazzjoni falza tiegħu fl-aħħar sigħat li b’xi mod il-Gvern żied is-salarji tas-Segretarji Parlamentari.
L-aħħar gvern li żied is-salarji tal-membri tal-Kabinett kien dak li kien jagħmel parti minnu hu. U dik iż-żieda, li fl-2013 tneħħiet wara bidla fil-gvern, hija riflessa fil-fatt li llum Segretarju Parlamentari jdaħħal ferm inqas. Anke jekk minn dakinhar gerbeb deċennju.
Filwaqt li d-dħul totali għal Segretarju Parlamentari llum ilaħħaq is-€60,000, fi żmien li Jason Azzopardi kien fil-kariga kien jisboq it-€82,000 biex Jason Azzopardi, flimkien ma’ nies bħal Clyde Puli u Mario Galea, li għadhom fil-PN, kienu l-iktar Segretarji Parlamentari mħallsa fl-istorja ta’ pajjiżna.
U tiegħu prova jagħtih lil ħaddieħor meta mar fuq Facebook jgħid li l-Ministru u s-Segretarji Parlamentari żiedu l-pagi tagħhom stess.
Irrepetew dak li qal hu numru ta’ esponenti oħra tal-Partit Nazzjonalista, fosthom il-kandidat għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew Peter Agius. Ma naqasx li jikkummenta wkoll Arnold Cassola, li ilu għomru jikkontesta l-elezzjonijiet f’pajjiżna mingħajr suċċess.
Għal dawk li segwew huwa ċar ħafna x’ġara. Jirriżulta li Jason Azzopardi qabad rapport dwar id-dħul tal-membri tal-Kabinett u qabbel id-dħul mis-salarju tal-2017 ma’ dak tal-2018. Iżda, jew għax ma indunax jew għax ħaseb li seta’ jqarraq, hu kien qed iqabbel salarju ta’ sena sħiħa ma’ nofs.
Dan għax ir-rapport li kien qed jagħmel referenza għalih kien dwar Segretarju Parlamentari li daħal fil-kariga f’Ġunju tal-2017.
Għalhekk, b’mod naturali u kif uriet id-dikjarazzjoni tal-assi s-sena li għaddiet kellu nofs is-salarju tas-sena ta’ qabel.
Fi stqarrija tal-Gvern ta’ Malta kien spjegat kif rapporti mxandra fuq mezzi tax-xandir, li kienu wkoll riprodotti minn membri tal-Oppożizzjoni, dwar allegazzjonijiet ta’ żidiet fil-pagi tal-membri tal-Kabinett huma għalkollox foloz.
Il-Gvern kien ċar meta qal li s-salarji tal-membri kollha tal-Kabinett għadhom eżatt l-istess kif kienu fl-2013.
Ir-raġunamenti u l-konklużjonijiet ta’ Jason Azzopardi kienu deskritti bħala pwerili.
Fl-aħħar xhur kien il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia stess li qal li m’għandux ħin x’jaħli miegħu.