Ix-xhieda fil-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi lbieraħ ikkonfermat l-indħil ta’ Jason Azzopardi f’deal skandaluż dwar art fi Spinola, San Ġiljan. Art b’valur ta’ iktar minn żewġ miljun ewro li l-poplu spiċċa daħħal biss tagħha €35.
Tkellmu dwar dan l-indħil is-Segretarju Parlamentari, Julia Farrugia u d-deputat Robert Abela li sostnew kif dan hu każ ieħor li juri kif id-deputat Jason Azzopardi hu l-aħħar bniedem li jista’ jitkellem fuq ir-rule of law. Huma rreferew għax-xhieda b’ġurament minn Iman Schembri, eks Direttur fid-Dipartiment tal-Artijiet.
Robert Abela fisser kif bl-għażliet tiegħu Jason Azzopardi kien saħansitra mar kontra l-pariri tat-tekniċi, biex mid-deal gawda min diġa’ kellu kundanna mill-Qorti biex jiżgombra mill-art li spiċċa kiseb. Abela fakkar kif dan huwa wieħed minn sensiela ta’ deals skandalużi taħt Jason Azzopardi.
Filwaqt li saret referenza għall-punti ewlenin mix-xhieda ta’ Schembri fil-PAC is-Segretarju Parlamentari, Julia Farrugia, tkellmet dwar kif filwaqt li r-rapport tal-Awditur Ġenerali kien innota l-involviment ta’ Jason Azzopardi fl-aħħar stadji tal-ftehim, issa hemm konferma li Jason Azzopardi ndaħal mill-bidu sal-aħħar.
Saħansitra billi kien iċempel lill-eks direttur. Telefonati ta’ pressjoni kif ikkonferma x-xhud innifsu. Fissret ukoll kif tant ma kienx kuntent b’dak li sar li Schembri kiteb nota “x’viltà.” Iżda, din il-minuta ma nstabitx fid-dokumenti. Xi ħaġa li tfakkar f’dak li qal l-Awditur Ġenerali li fir-rapport tiegħu nnota kemm sab dokumenti neqsin biex ma setax jifhem u jinvestiga kif jixtieq.
Quddiem fatti bħal dawn, sostnew il-kelliema, la l-eks ministru u deputat Jason Azzopardi u wisq inqas il-Partit Nazzjonalista ma jistgħu jitkellmu fuq rule of law. Għax ir-rule of law fost oħrajn tfisser li tirrispetta d-deċiżjonijiet tal-Qorti. Xi ħaġa li hawn ma saritx. Tant li sar il-kontra bl-involviment tal-eks Ministru.