Id-deputati nazzjonalisti Jason Azzopardi, Beppe Fenech Adami u Karl Gouder kienu fost numru ta’ deputati li talbu lill-Kap Nazzjonalista Adrian Delia biex jirriżenja wara li wassal lill-Partit Nazzjonalista għall-ikbar zewġ telfiet elettorali.
Min-naħa l-oħra l-ewroparlamentari Robert Metsola u d-deputat nazzjonalista Ryan Callus issuġġerew lil Adrian Delia sabiex jirrizenja.
Dawn id-dettalji ħarġu wara li numru ta’ deputati Nazzjonalisti tkellmu mal-gazzetta Malta Today dwar dak li ġara fil-laqgħa tal-grupp parlamentari. Laqgħa oħra taħraq li bdiet fis-sitta u nofs ta’ filgħaxija tat-Tlieta li għadda u ntemmet l-Erbgħa fin-nofs siegħa ta’ filgħodu. B’aktar minn għaxar deputati talbuh jew jirrizenja jew inkella jitlob vot ta’ fiducja.
Sorsi li tkellmu mal-Malta Today qalu li d-deputati nazzjonalisti Claudio Grech, Mario De Marco u Ivan Bartolo talbu lil Adrian Delia sabiex jitlob vot ta’ fiduċja fit-tmexxija tiegħu fil-kunsill ġenerali.
Madankollu Delia baqa’ jwebbes rasu u jirrifjuta din it-talba. Id-deputati nazzjonalisti qalu lil Malta Today li s-segretarju ġenerali Clyde Puli ddefenda lil Delia billi qalilhom li l-Kap ġie elett mit-tesserati.
Tul il-laqgħa, l-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil insita li xi ħaġa trid isir wara l-ikbar zewġ telfiet elettorali li ġarrab il-Partit Nazzjonalista.
Sorsi li tkellmu mal-Malta Today qalu li fil-laqgħa kien hemm għadd tad-deputati li lmentaw bl-attakk li fetaħ l-eks kap tal-midja nazzjonalista Pierre Portelli fuq Jason Azzopardi. Hawnhekk Delia li ftit tal-jiem ilu qal li se jinjora lil Azzopardi, wiegħed li se jiddefendi lill-grupp kollu.
L-istess sorsi qalu li l-grupp parlamentari ma kienx impressjonat bl-għaxar proposti li ppreżenta Adrian biex jagħmel dik li sejjaħ bħala bidla radikali fil-Partit Nazzjonalista.