Aħna ma nistgħux ngħaddu l-opinjoni tagħna fuq dak li jkun qiegħed jiġri iżda intom tistgħu.
Din kienet it-tweġiba tad-Deputat Kap tal-Komunikazzjoni tal-Gvern Nigel Vella waqt l-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, għal mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi.
L-avukat Azzopardi fil-Qorti ta’ x’jifhem li s-Sur Vella kien qiegħed jikser xi direttiva ta’ xi tip talli kien jikkummenta billi jikteb xi artikli. Skont Azzopardi, Vella ma setax jagħmel dan għax jokkupa kariga pubblika.
Is-Sur Vella qal li jista’ jagħti tliet eżempji ta’ persuni li fl-aħħar amministrazzjoni Nazzjonalista kienu jaħdmu mal-Gvern iżda kienu jesprimu l-opinjoni politika tagħhom. Fil-fatt Vella indika li saħansitra dawn il-persuni kienu kunsilliera Nazzjonalisti fil-lokalitajiet tagħhom.
Mistoqsi dwar il-laqgħa tal-Kabinett fil-lejl tat-28 ta’ Novembru 2019, Vella qal li l-Prim Ministru ried isejjaħ konferenza tal-aħbarijiet fi tmiem il-laqgħa, minkejja diversi pariri sabiex din ma ssirx.
Qal li xogħlu dakinhar kien li jassigura li l-konferenza tal-aħbarijiet issir u li l-Prim Ministru joħroġ b’mod sigur malli tintemm.
Tenna li fi tmiem il-konferenza tal-aħbarijiet l-ebda ġurnalist ma nżamm kontra r-rieda tiegħu jew tagħha iżda intużat il-proċedura tas-soltu li l-ġurnalisti joħorġu wara li joħroġ il-Prim Ministru.
Fil-fatt, qal li minn meta ħareġ il-Prim Ministru sa ma’ ħarġu l-ġurnalisti għaddew biss 2 minuti u 40 sekonda.
Xehed ukoll is-Sur Neville Gafà fejn spjega li x-xogħol tiegħu f’Kastilja kien jikkonsisti li jikkordina l-uffiċju tal-customer care tal-uffiċju tal-Prim Ministru mal-uffiċji ta’ customer care fil-ministeri.
Mistoqsi dwar l-iżjajjar tiegħu fil-Libja, Gafà qal li dawn waslu biex jiġu salvati eluf ta’ ħajjiet fil-Mediterran u li tħallas kont ta’ €400,000 minn Libjani li kienu ħadu kura fl-isptar Mater Dei.
Meta mistoqsi, Gafa qal li missieru għaddietu puplesija minħabba dak li kitbet dwaru Caruana Galizia, filwaqt li ż-żewġ uliedu spiċċaw ma jridux imorru għax-xogħol.