L-azzjonijiet biex jitwettqu d-disgħa u tletin rakkomandazzjoni li saru fir-rapport tal-Inkjesta Sofia, se jittieħdu kollha, u b’rieda tal-azzar. Dan l-impenn sostnih il-Prim Ministru Robert Abela fis-seduta Parlamentari tal-Erbgħa filgħaxija, fejn saret diskussjoni bla vot b’rabta mar-rapport tal-Inkjesta Sofia, li ġie ppubblikat fl-istess jum.
Il-Prim Ministru spjega kif, fid-diskussjonijiet li kien hemm dwar is-suġġett fl-aħħar xhur, kien hemm punt ċentrali li dejjem kien hemm qbil dwaru – dak tal-ħtieġa li ssir ġustizzja.
“Huwa ċar li dak, li għedna iva għalih għal ħamsin sena f’dan il-pajjiż, ma jistax jiġi aċċettat aktar. Irridu b’mod ċar nagħmlu riforma ħolistika fis-settur tal-kostruzzjoni, li tkun forma ta’ ġustizzja ma’ Jean Paul u l-vittmi kollha tas-settur tal-kostruzzjoni, għax jekk inħarsu mill-2002 sal-lum kellna wieħed u tmenin vittma ta’ inċidenti fatali fis-settur tal-kostruzzjoni.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Dr Abela qal li anke kieku mqar intilfet il-ħajja ta’ persuna waħda biss, kienet tiġġustifika l-ħtieġa ta’ riforma f’dan is-settur.
Għaldaqstant, meta tkellem dwar il-ħidma li se ssir fiż-żmien li ġej, semma l-prinċipju ewlieni li s-settur jopera bi standards li jixirqu fid-dinja tal-lum.
“Dawk kollha li mhumiex serji f’dan is-settur iridu jifhmu li ma fadalx posthom. Min mhux lest li jtella’ l-istandards tiegħu ’l fuq, irid ifittex xogħol ġdid minn għada. Ir-riforma trid tkun waħda li primarjament tħares u tpoġġi fuq quddiem l-interessi taċ-ċittadini – kemm dawk milqutin bi żvilupp, għax huma ġirien u l-ħaddiema kollha f’siti ta’ kostruzzjoni.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru qal li kull deċiżjoni, li se tittieħed, se tpoġġi l-interessi taċ-ċittadini fil-qofol ta’ kollox. Biex dan isir, se tintemm sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ sinerġija u jkun hemm awtorità waħda li tikkunsidra l-importanza ta’ inforzar ikkordinat u effettiv.
“In-nies iridu jkunu fiduċjużi li dak l-inforzar hu wieħed effettiv li qed jipproteġi lilhom u lill-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol u meta verament in-nies ikunu qed jemmnu li dak l-inforzar hu effettiv, li jista’ jkollna riżultati tajbin. Ma naċċetta qatt li persuni f’ċirkostanzi simili jħossuhom ċkejknin wisq biex jipproteġu d-drittijiet tagħhom u jaqtgħu qalbhom mill-protezzjoni tad-drittijiet tagħhom.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Hu fakkar ukoll kif, biex dan iseħħ, taħt il-kappa tal-Ministeru għall-Ġustizzja se tibda tingħata assistenza bla ħlas lill-pubbliku, ta’ perit u avukat, li se jagħtu leħen akbar liċ-ċittadini u lok usa’ fejn l-ilmenti jitwasslu b’mod effettiv.
Semma wkoll l-introduzzjoni ta’ skills cards u safety cards, li diġà ġew implimentati f’setturi oħrajn, u se jsiru f’dan il-qasam ukoll. Hu enfasizza li mhux se jiġu ttollerati sitwazzjonijiet li ma jmorrux id f’id mal-ogħla standards fis-settur.
“L-attitudni tal-‘ejja ħa mmorru’ u ‘kollox jgħaddi’ mhux ħa tiġi ttollerata. Dak hu l-messaġġ primarju li joħroġ mill-inkjesta pubblika u hu l-messaġġ tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet li nkunu qegħdin nagħmlu.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Hu spjega kif din ir-riforma se twassal għal ambjent li jippremja esklussivament lil min hu professjonali u serju, għax min imur b’attitudni ta’ ‘cowboy’ se jkun ikkastigat b’serjetà, b’multi u billi jitwaqqaf milli jaħdem.
Temm jgħid li l-poplu jista’ jiġġudika fuq il-proċess ta’ implimentazzjoni tar-rakkomondazzjonijiet, li huma pubbliċi u ċari.