Il-ġimgħa d-dieħla l-Gvern ser jibda x-xogħol sabiex jitneħħew eluf ta’ tunnellati ta’ skart ta’ kostruzzjoni f’għadd ta’ żoni tal-Park tal-Majjistral fil-Mellieħa.
Dan wara snin ta’ illegalitajiet minn diversi persuni, fejn kienu jużaw partijiet minn dan il-Park bejn Għajn Tuffieħa u l-Mellieħa sabiex jarmu l-fdalijiet tal-kostruzzjoni.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Ambjent Jose Herrera f’ konferenza tal-aħbarijiet f’ Jum l-Ambjent fl-istess Park fejn ġie organizzat jum ta’ tindif mill-entitajiet li jaqaw taħt il-Ministeru.
Se jkun hemm kordinatament bejn l entitajiet tal-Ministeru biex ineħħu l-construction waste kollh, fejn se jittieħdu ammont ta’ ġimgħat sabiex nipprestinaw dawn iż-żoni.
Il-Ministru Herrera nnotta wkoll għadd ta’ binjiet f’dan il-post li matul is-snin inbnew b’mod illegali. Żied li bħalissa għaddej ix-xogħol biex fil-ġimgħat li ġejjin jitħabbru l-emendi fil-liġi tal-ODZ.
Herrera qal li matul it-tieni sena ta’ din il-leġislatura ser jibda x-xogħol fuq il-Qorti tal-Ambjent kif imwiegħed fl-aħħar Manifest Elettorali. Dan bil-għan li jrażżan il-bini llegali.
Dwar is-siġar, il-Ministru Herrera qal li matul din is-sena nqalgħu mitejn siġra waqt li tlett mija oħra nqalgħu u tħawlu x’imkien ieħor.
Il-Ministru żied jgħid li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi talbet sabiex jinżeraw ‘il fuq minn elfejn siġra.
Filfatt fl-ewwel xhur tas-sena diġa tħawlu ‘l fuq minn ħamest elef u ħames mitt siġra ndiġena.
Huwa qal li sa l-aħħar ta’ din is sena se jkunu tħawlu ‘l fuq minn tnax il-elf siġra f’pajjiżna.