Għat-tieni darba d-Direttorat tal-Infurzar fi ħdan l-Awtorità tal-Ippjanar ħa azzjoni diretta f’ żona karatterizata minn art agrikola u li tgawdi diversi livelli ta’ konservazjoni ta’ importanza nazzjonali, fostom ekoloġiku, xentifiku u rurali.
Iż-żona fejn qed issir din l-operazjoni tinsab f’ Wied tal-Bibli fil-limiti tas-Siġġiewi. Dan is-sit jifforma parti mix-xibka ta’ widien li tispiċċa f’ Wied Qirda. Din iż-żona fiha madwar 25,000 metru kwadru fejn sid l-art tefa’ materjal inert kif ukoll kien qed jinħażen materjal tal-kostruzzjoni.
Il-każ beda fl-2001 fejn kien inħareġ avviz ta’ nfurzar, u avviż ieħor fl-2005, bl-individwu jitfa’ diversi applikazjonijiet biex jittenta jissana l-iżvilupp illegali.
Wara li l-proċessi kollha tal-Ippjanar ġew eżawriti, f’ Novembru tal-2016 id-Direttorat tal-Infurzar kien aċċeda fuq is-sit u ħa azjoni diretta biex ineħħi l-illegalitajiet hu stess. Ġara li fuq is-sit reġa beda jiġi depożitat il-materjal u għalhekk l-Awtorità reġat intervjeniet hi biex tiripristina s-sit.