Il-kuntistabbli Wayne Bonello kien fi triqtu għax-xogħol meta iltaqa’ ma’ inċident tat-traffiku li jista’ jiswa l-ħajja ta’ sewwieq. Kienet l-azzjoni f’waqitha ta’ dan il-kuntisabbli li waqqfet milli sewwieq ma jinħaraqx ħaj hekk kif il-karozza tas-sewwieq daħlet f’siġra u bdiet tieħu n-nar.
Ma’ dan l-istazzjon, il-kuntistabbli Bonello spjega kif għall-ħabta tal-għaxra nieqes kwart tal-Ħadd filgħaxija, hu u jsuq lejn il-Furjana fi ‘Triq in-Nazzjonal’ innota karozza tal-għamla Ford Ka maħbuta u li kienet qed taqbad bis-sewwieq ġo fiha. Spjega kif minnufih għarraf lill-kamra tal-kontroll tal-Pulizija. Huwa irrakkonta kif is-sewwieq beda jitolbu l-għajnuna hekk kif kien maqbud ġol-karozza.
“Is-sitwazzjoni bdiet teskala għax in-nar beda jdaħħan iktar u t-twieqi kienu magħluqin u beda jifga u ovjament kien jispiċċa jinħaraq, u imbgħad kelli niftaħ, ma kienx hemm iktar x’nagħmel milli niftaħ il-bieba, nipprova niftaħ il-bieba u nipprova noħroġ lilu.” Stqarr il-kuntistabbli.
Huwa spjega kif ma kintix biss l-għajnuna tiegħu biss li għenet biex jinħareġ ir-raġel
Bonello kompla jgħid, “X’ħin ftaħt il-bieba pruvajt noħorġu mill-ġenb imma kellu s-seat belt u ma stajtx noħorġu mal-ewwel. Imbgħad bdew javviċinaw naqra nies mhux ħażin fejn il-vettura u tlabthom l-għajnuna tagħhom biex jgħinuni noħorġu u irnexxielna noħorġuh mill-vettura u nieħduh naqra l-bogħod mill-vettura biex ikun ‘safe’.”
Intant fuq il-post wasal tim mediku mill-isptar Mater Dei, kif ukoll membri tal-Protezzjoni Ċivili, li tfew in-nar f’qasir żmien.
Ir-raġel li weġġa’ għandu 37 sena mill-Pietà u ġie ċċertifikat li jinsab fil-periklu tal-mewt.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Gabriella Vella, li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.
Intant il-kuntistabbli Wayne Bonello li jittama li r-raġel jaqbel għall-aħjar stqarr li d-dover ta’ pulizija ma tafx meta jsejjaħlek u għalhekk wieħed irid dejjem ikun lest sabiex jaqdi dmiru f’dak kollu li jista’ jinqala’.
“Jiena duty dejjem erba’ u għoxrin siegħa u dejjem irridu naġixxu u naqdu d-dmir ta’ pulizija li ngħinu liċ-ċittadin Malti hux.” Ikkonkluda jgħid.