L-Awtorità tad-Djar għamlet operazzjoni ta’ infurzar sabiex waqqgħet strutturi illegali li nbnew fuq djar tal-Gvern fil-Belt, bil-veduta tal-port.
Dan ġie żvelat waqt il-programm Pjazza fuq dan l-istazzjon, li matulu ħareġ li dawn l-istrutturi illegali nbnew fi żmien il-gvern Nazzjonalista.
Preżenti fil-programm kien hemm il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, Roderick Galdes, li spjega li l-qasam tal-binjiet tal-Gvern huwa mibni f’post fejn, fi żmien il-Kavallieri, kien hemm il-ħabs tal-iskjavi. Dan kien waqa’ fil-gwerra u minfloku nbnew il-blokok tal-Gvern.
Fil-programm, ippreżentat minn Karl Stagno Navarra, il-Ministru Galdes qal li b’kollox kienu nbnew għoxrin penthouse b’mod illegali.
KARL STAGNO NAVARRA: “Ara xi nstab fuq il-bjut ta’ din il-proprjetà tal-Gvern illi jgħixu n-nies. Qabdu u kkapparraw l-arja u nbnew dawn il-penthouses għat-tgawdija ta’ ċerti nies, faċċata tal-baħar. Dak huwa l-kumpless. Ir-ritratt li jmiss: ara x’panorama dik fuq il-Port il-Kbir, penthouse lussuża jiġi. Biex inbnew trid tagħmel il-bini, trid il-ġebel, trid it-travu. Araw daqxejn il-ħsara li saret lill-ġirien; hemm ritratt ieħor.”
RODERICK GALDES: “Daħħlu travu tal-ħadid ġol-bjut, jiġifieri dawn kellhom nies professjonali biex bnewhom dawn.”
Ħareġ li l-Ombudsman kien qatagħha li dawn l-istrutturi illegali għandhom jitneħħew u wara kienet inqatgħet mill-Qorti li dawn għandhom jitwaqqgħu.
Dan ix-xogħol ta’ infurzar sar kif stabbilit mil-liġi. Aktar kmieni din il-ġimgħa staqsa fil-Parlament dwar din l-azzjoni ta’ infurzar id-Deputat Nazzjonalista Darren Carabott. Huwa attakka lill-kuntrattur li wettaq dan ix-xogħol ta’ infurzar.
Il-Ministru qal, “Mhux qomna llum – dan hemm tender stabbilit li jistgħu japplikaw mal-framework agreement, li qalu li huwa direct order. Framework agreement huwa proċess li, inti, kull min irid jissottometti offerta… Issa fuq enforcement mhux kulħadd jieħu pjaċir jagħmilha, għax inti taf tiġi mhedded, taf ikollok ċerti problemi mar-residenti. Mhux xi ħaġa sabiħa li tmur twaqqgħalhom, imma kien hemm min offra li jagħmel dak is-servizz. Għaliex offrew li jagħmlu dak is-servizz u nżerta l-persuna forsi għandu twemmin Laburista, qed jiġi attakkat fil-Parlament. Iridu l-affarijiet personali, jippruvaw jallaċċjawh miegħi bħallikieku jien tajtu xi direct order apposta min-naħa tiegħi. Mentri mhux hekk, hemm proċess. Dan il-proċess, anki permezz tal-Qrati, u allura dawn l-affarijiet jien, fil-fehma tiegħi, m’għandniex inħalluhom.”

