Fi stqarrija l-Ministeru għall-Edukazzjoni qal li meta f’April il-Ministru kien infurmat li kien hemm skorrettezzi fl-aġir tas-Sur Edward Caruana, huwa ħass li l-azzjoni ġusta kienet li jitneħħa mill-uffiċċju ċentrali tal-FTS kif talab is-Sur Philip Rizzo, u li ma jitħalliex jagħmel ix-xogħol li kien jagħmel qabel. Il-Ministru għamilha ċara li ħadd mhu protett u kulħadd għandu jimxi skont ir-regoli. Kien aċċertat ukoll li ma jsir ebda pagament ta’ kontijiet dubjużi.
Dik l-azzjoni ġusta u proporzjonata mal-fatti ta’ dakinhar, ittieħdet mill-ewwel. It-tfittxija għall-verità, però, ma waqfitx hemm, u żgur li l-Ministru m’għamel xejn biex jaħbi, anzi l-kliem kien ċar: ħadd mhu protett.
Meta f’Awwissu u fil-bidu ta’ Settembru kien hemm allegazzjonijiet gravi u informazzjoni sustanzjata, il-Ministru talab għal investigazzjoni mis-Sur Paul Bonello, u l-Ministeru għamel rapport lill-Pulizija. Il-Ministru talab ukoll li s-Sur Caruana jitneħħa minn xogħlu fl-FTS.
“Hemmhekk ittieħdet ukoll azzjoni ġusta fil-waqt tagħha” intqal fl-istqarrija.
Il-Ministru Bartolo, iżżid tgħid, żgur mhux se jieħu l-priedki mid-Deputat tal-Oppożizzjoni Beppe Fenech Adami, li mill-permessi tal-villa tiegħu sal-akkużi li kien direttur ta’ kumpanija involuta f’ħasil ta’ flus, wera kemm-il darba li qas biss jaf xi tfisser il-kelma korrettezza. B’differenza għad-Deputat Beppe Fenech Adami u l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil fis-sensiela ta’ każijiet li kienu involuti fihom, meta l-affarijiet ġew għad-dunque, il-Ministru Bartolo għamel rapport lill-Pulizija filwaqt li huma għattew xturhom.