Azzjoni f’waqtha tal-Pulizija lbieraħ wasslet biex ġiet assistita u possibilment salvata l-ħajja ta’ raġel ta’ 24 sena li kien qiegħed jinżamm taħt arrest ġewwa l-Lock-up fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija.
Dan tħabbar fi stqarrija tal-Pulizija hekk kif ġie spjegat li kien għall-ħabta tal-9:45pm, meta l-pulizija ħadu azzjoni immedjata hekk kif raġel arrestat instab jipprova jweġġa’ lilu nnifsu.
Grazzi għall-intervent f’waqtu tal-Pulizija, ir-raġel ittieħed l-Isptar Mater Dei fejn iżjed tard ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi ħfief.
Dwar il-każ inħatret inkjesta maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat Dr Claire Stafrace Zammit.