Analiżi dettaljata fuq l-andament tal-inflazzjoni f’pajjiżna, imqabbel ma’ pajjiżi oħrajn taż-Żona Ewro, uriet li fl-aħħar xhur kien hemm diverġenzi sinifikanti.
F’artiklu miktub mid-Deputat Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta, Alexander Demarco, fil-Malta Business Weekly, jingħad li, filwaqt li l-inflazzjoni qed tonqos kemm fiż-Żona Ewro u anke f’pajjiżna, ġie nnotat li, mit-tielet kwart tal-2023 ’il quddiem, l-inflazzjoni fil-prezz tal-ikel f’pajjiżna bdiet tiddevja minn dik fi prodotti u servizzi oħrajn. Minbarra hekk ma baqgħetx issegwi dik f’pajjiżi ġirien.
Id-Deputat Gvernatur irrimarka kif l-għoli tal-ħajja fil-prodotti tal-ikel f’Malta sar jaqbeż sewwa dak fl-Italja, sors importanti għal pajjiżna, kif ukoll dak f’Ċipru, li bħala gżira wkoll tiffaċċja sfidi simili fejn tidħol il-provvista u l-prezzijiet tat-trasport.
Dan meta, sa Settembru li għadda, l-andament tal-prezzijiet f’Malta kien jixbah ħafna dak f’Ċipru u l-Italja. Waqt li minn hemm, imbagħad, l-inflazzjoni fl-oġġetti tal-ikel naqset bi 2.5% fl-Italja u saħansitra b’4.9% f’Ċipru, f’Malta din naqset biss b’0.5%.
Skont id-Deputat Gvernatur, din id-differenza ma tistax tkun attribwita għal fatturi internazzjonali jew żviluppi fil-prezz tat-trasport. Filfatt fl-analiżi tiegħu, Demarco jgħid li, fejn jidħlu oġġetti oħrajn li wkoll jiġu ttrasportati lejn pajjiżna, ma kien hemm l-ebda diverġenza mal-andament tal-inflazzjoni fiż-Żona Ewro.
Qal li n-nuqqas ta’ kompetizzjoni tista’ tispjega għalxiex f’Malta l-prezzijiet tal-ikel essenzjali jibqgħu għoljin. Hu qal li, għalkemm, fit-teorija, soluzzjoni għal dan hi li tiżdied il-kompetizzjoni, minħabba l-limitazzjonijiet tas-suq Malti, hemm ukoll parametri kemm din tkun soluzzjoni prattika.
Għalhekk sostna li azzjoni mill-awtoritajiet biex l-operaturi jnaqqsu l-prezzijiet u jżommu l-marġini tal-profitt stabbli kienet ideali f’dan il-kuntest, bħalma hi l-inizjattiva tal-Gvern biex ikun hemm roħs u stabbiltà fil-prezzijiet tal-ikel.
B’din l-azzjoni, l-inflazzjoni tal-prezzijiet tal-ikel mistennija terġa’ lura għal taħt il-medja taż-Żona Ewro, waqt li fl-aħħar xhur kienet saret l-aktar waħda għolja.
Għaldaqstant hu wkoll ġustifikat għalxiex l-inizjattiva, li se tidħol fis-seħħ mill-1 ta’ Frar li ġej, se tara traħħis ta’ 15% fuq il-prezzijiet ta’ Ottubru, li llum hu kkalkulat li jista’ jfisser tnaqqis sa 20% fuq ċerti prodotti.
Hekk il-Gvern, li beda jiddiskuti ma’ importaturi, supermarkets u ħwienet oħrajn minn dak iż-żmien, ħa azzjoni proprju meta l-problema bdiet tgħolli rasha, għax ir-roħs fil-prezzijiet se jkun maħdum fuq ir-Recommended Retail Price (RRP) ta’ dak iż-żmien.