Sabiex tiġi indirizzata t-tibdil fil-klima, jeħtieġ li jkun hemm bidla fl-attitudni u l-involviment ta’ kulħadd, mmexxija miċ-ċittadini u l-komunitajiet. Dan hu prinċipju li ġie rrikonoxxut minn diversi stakeholders kif deher mill-konferenza COP 23, f’Bonn il-Ġermanja. Bħala viċi-president, il-MPE Laburista u kelliema tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi għall-ambjent Miriam Dalli, mexxiet delegazzjoni mill-Parlament Ewropew waqt il-konferenza tal-Ġnus Maghquda dwar it-Tibdil fil-Klima f’Bonn li rat għadd ta’ kapijiet ta’ stati u ministri jippreżentaw pjanijiet u wegħdiet dwar azzjoni sabiex tiġi miġġielda t-tibdil fil-klima.
Filwaqt li faħħru t-tmexxija tal-klima fl-Ewropa, l-Kanċillier Ġermaniża Angela Merkel u l-President Franċiż Emannuel Macron wegħdu li se jagħmlu tajjeb għal kull tip ta’ nuqqas ta’ fondi għall-Panel Intergovernmentali fuq it-Tibdil fil-Klima, wara li l-istati Uniti ppreżentat pjanijiet sabiex tnaqqas il-fondi aktar kmieni din is-sena. Sabiex jintlaħqu l-miri ppreżentati fil-ftehim ta’ Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima, kif ukoll sabiex jintleħqu l-għanijiet tal-Agenda dwar Żvillup Sostennibli 2030, hemm bżonn ta’ azzjoni urġenti.
“Din kienet konferenza pożittiva dwar it-tibdil fil-klima minħabba li ġiet rikonoxxuta l-importanza li tiġi addottata attitudni li tinvolvi lil kulħadd billi tpoġġi fiċ-ċentru tal-ħidma tagħha l-istakeholders u liċ-ċittadini b’mod indaqs,” qalet Miriam Dalli, f’kummenti li tat lil media wara numru ta’ laqgħat ma’ delegazzjonijiet differenti.
Dalli ltaqgħet ma diversi rappreżentanti minn organizzazjonijiet multilaterali u rappreżentanti ta’ diversi pajjiżi fosthom iċ-Ċina, l-Indja u l-Brażil kif ukoll membri min-negozji, l-industriji u għaqdiet mhux governattivi. Dalli laqgħet inizjattivi bħal djalogu miftuħ bejn il-partiti CoP u għaqdiet mhux governativi, kif ukoll l-ewwel pjan ta’ azzjoni bbażat fuq il-ġeneru li nkiseb taħt il-Konvenzjoni. Intlaħaq ftehim fuq pjattaforma ta’ komunitajiet lokali u indiġeni dwar azzjoni fuq il-klima.
“Il-messaġġ ewlieni ta’ din il-konferenza huwa l-importanza ta’ attitudni li tahdem miż-żgħir għall-kbir. Biex ikollna ċaqlieqa fl-implimentazzjoni tal-pjanijiet irid ikun hemm is-saħħa taċ-ċittadini, tal-komunitajiet, tal-ibliet u r-reġjuni,” qalet il-MPE Dalli. “Din hi t-triq il-quddiem jekk irridu azzjonijiet effettivi sabiex nirnexxu fir-rigward ta’ tibdil fil-klima.” L-Unjoni Ewropea flimkien mal-Kanada u ċ-Ċina ħadu t-tmun sabiex itaffu ftit mil-vojt konsegwenza tad-deċiżjoni tal-President Amerikan Donald Trump wara li ddeċieda li joħroġ mill-ftehim li ntleħaq f’Pariġi fl-2015 sabiex l-Istati Uniti tnaqqas l-emissjonijiet tagħha.