Scrapyard illegali fil-limiti tax-Xewkija kienet suġġetta għal operazzjoni ta’ azzjoni diretta mill-Awtorità tal-Ippjanar.
L-iscrapyard illegali, li għandha area superfiċjali ta’ aktar minn 15,000m² u li tinsab tul Triq Il-Kav. Lorenzo Zammit Haber, ilha għal numru ta’ snin tiżviluppa f’sit ta’ rimi ta’ skart mhux immaniġġjat, li jaċċetta kull tip ta’ oġġetti industrijali u domestiċi.
Is-sit huwa mimli b’amonti kbar ta’ karozzi skrappjati, trakkijiet, tyres, appliances u tagħmir elettroniku. Sid l-art ma mexiex ma’ l-avviżi u t-twissijiet ta’ infurzar tal-Awtorità.
Tagħbijiet ta’ trakkijiet ta’ materjal mormi bdew jinġarru f’siti liċenzjati għall-immaniġġjar tal-iskart.
Fi stqarrija, l-Awtorità tal-Ippjanar qalet li l-operazzjoni ser tkompli fil-jiem li ġejjin, u ser tara li titneħħa għal kollox l-attività illegali u l-materjal mormi fis-sit, filwaqt li s-sit jerġa’ lura għall-istat oriġinali tiegħu. L-ebda permess għall-iżvilupp qatt ma nħareġ fuq dan is-sit.
Qabel l-operazzjoni, l-Awtorità ħadmet ma’ entitajiet oħra fosthom l-Awtorità tar-Riżorsi u l-Ambjent u l-WasteServe, biex tiżgura li r-rimi tal-materjal miġbur jiġi mormi kif suppost. It-tim tal-Azzjoni Diretta fi ħdan l-Awtorità tal-Ippjanar qiegħed ikun assistit minn membri tarRapid Intervention Unit tal-Pulizija.
L-ispejjeż tal-operazzjoni ser jitħallsu mis-sid tal-art.
L-Awtorità tiġbed l-attenzjoni tal-pubbliku li vetturi dilapidati u skart ieħor simili għandhom jintremew biss, b’mod responsabbli f’faċilitajiet tal-iskart liċenzjati.