Axel Rudakubana mistenni jingħata sentenza llum wara li ammetta li kien qatel tliet ibniet li kienu qed jattendu klassi taż-żfin f’Southport.
Waqt l-ewwel jum tal-ġuri tiegħu, nhar it-Tnejn li għadda fil-qorti ta’ Liverpool, Rudakubana, li għandu 18-il sena, wieġeb ħati għas-sittax-il offiża miġjuba kontrih.
Alice da Silva Aguiar ta’ disa’ snin, Bebe King ta’ sitt snin u Elsie Dot Stancombe ta’ seba’ snin nqatlu wara li sfaw attakkati fi klassi bit-tema ta’ Taylor Swift ftit qabel nofsinhar nhar id-29 ta’ Lulju.
L-imputat, li dak iż-żmien kellu sbatax-il sena, ammetta l-qtil tagħhom kif ukoll l-attentat ta’ qtil ta’ tmient’itfal oħra li isimhom kien miżmum milli jiġi ppublikat, l-għalliema tal-klassi Leanne Lucas u n-negozjatur John Hayes.
Peress li Rudakubana kellu biss 17-il sena dakinhar tal-qtil, mhux mistenni li jingħata sentenza ta’ għomru l-ħabs għax ġeneralment din tiġi mposta biss fuq minn ikollu 21 sena jew aktar u tkun biss ikkunsidrata fuq dawk ta’ bejn it-tmintax u l-għoxrin sena f’ċirkustanzi eċċezzjonali.
Huwa wieġeb ukoll ħati li dakinhar tal-qtil kien fil-pussess ta’ sikkina li kien xtara minn fuq Amazon, li pproduċa l-velenu bioloġiku ‘ricin’ dakinhar jew qabel id-data tad-delitti, u li kien fil-pussess ta’ informazzjoni utli għall-persuna biex tikkommetti jew tipprepara li twettaq att terroristiku.
L-akkuża tat-terroriżmu ġiet inkluża hekk kif intqal li bejn id-29 t’Awwissu 2021 u t-30 ta’ Lulju 2024 huwa kellu fil-pussess tiegħu dokument intitolat ‘Military Studies in The Jihad Against The Tyrants, The Al Qaeda Training Manual’. Kemm ir-’ricin’ kif ukoll id-dokument kienu nstabu fid-dar fejn kien joqgħod flimkien mal-ġenituri tiegħu, li huma ta’ oriġini mir-Rwanda. Dokumenti dwar il-Ġermanja fi żmien in-Nazi, il-ġenoċidju fir-Rwanda u karozzi bombi nstabu wkoll f’apparat teknoloġiku waqt it-tfittxija tal-pulizija f’daru.
Il-qtil kien instiga manifestazzjonijiet vjolenti wara li kienu ħarġu xniegħat li l-qattiel kien bniedem qed ifittex l-ażil li kien wasal fir-Renju Unit fuq dgħajsa żgħira. L-għada tal-qtil fi protesta barra moskea kien hemm ħafna vjolenza fejn ġew mitfugħa missili lejn il-pulizija u vannijiet ingħataw in-nar.
Minn dakinhar kienu arrestati aktar minn elf persuna b’rabta mad-diżordni fil-pajjiż relatat ma’ dan il-każ u mijiet oħra kienu mressqa u mogħtija sentenzi ta’ ħabs.